Wednesday, December 25, 2024

“Id-dinja kienet aktar sigura fil-Gwerra Bierda milli hi llum”

Aqra wkoll

Skont il-konsulent tas-sigurtà nazzjonali tar-Renju Unit, il-Punent qed jissogra li jidħol fi gwerra nukleari għax mhux qed jiddjaloga biżżejjed mar-Russja u ċ-Ċina. Dan hekk kif id-dinja kienet iktar sigura waqt il-Gwerra Bierda milli hi llum.

Il-konsulent nazzjonali tar-Renju Unit, Sir Stephen Lovegrove sostna li l-qawwiet rivali fehmu lil xulxin aktar u aħjar matul il-Gwerra Bierda u li n-nuqqas ta’ djalogu llum qed iżid il-probabilta għal kalkoli żbaljati.

Żied jgħid li d-dinja tinsab f’“era ġdida ta’ proliferazzjoni” li fiha l-armi perikolużi huma disponibbli b’mod aktar wiesa’. Dan il-kumment għamlu qabel telefonata bejn il-President Amerikan Joe Biden u l-President Ċiniż Xi Jinping, l-ewwel telefonata bejn iż-żewġ mexxejja minn Marzu li għadda.

Iż-żewġ President mistennija jiddiskutu tensjonijiet kontinwi fuq it-Tajwan u t-tariffi tal-era ta’ Trump fuq importazzjonijiet Ċiniżi.

Sir Stephen għamel dawn it-twissijiet f’diskors fiċ-Ċentru għall-Istudji Strateġiċi u Internazzjonali f’Washington DC, li ffoka fuq l-implikazzjonijiet tal-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna u dak li sejjaħ bħala konkors ferm usa’ li qed jiżvolġi fuq is-suċċessur tal-ordni internazzjonali ta’ wara l-Gwerra Bierda.

Huwa qal li matul l-għexieren ta’ snin tal-Gwerra Bierda, il-qawwiet tal-Punent ibbenefikaw minn negozjati li tejbu l-fehim u t-twemmin dwar il-kapaċitajiet Sovjetiċi u viċi versa.

“Illum, m’għandniex l-istess profondiment u fiduċja ma’ oħrajn li jistgħu jhedduna fil-futur partikolarment iċ-Ċina.

Sir Lovegrove qal li l-fiduċja u t-trasparenza mibnija permezz tad-djalogu għandhom ifissru wkoll li nistgħu nkunu aktar attivi biex nindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità u l-imġieba ħażina fejn narawhom.

Sostna wkoll li r-riskju ta’ “kunflitt mhux ikkontrollat” qed jiżdied bil-ksur ripetut tar-Russja tal-impenji tat-trattati tagħha kif ukoll il-pass li bih iċ-Ċina qed tespandi l-armamenti nukleari tagħha u d-“disprezz” apparenti tagħha għall-ftehimiet dwar il-kontroll tal-armi.

Tkellem ukoll dwar il-periklu assoċjat mal-avvanz rapidu tat-teknoloġija u n-numru ta’ stati li issa qed jiżviluppaw armi fosthom missili li jattakkaw mill-art.

Huwa qal li ma hemm l-ebda prospett immedjat li l-poteri ewlenin kollha jingħaqdu flimkien biex jistabbilixxu ftehimiet ġodda sabiex il-membri tan-NATO jkunu jistgħu jiffokaw fuq ħidma li tnaqqas ir-riskju strateġiku.

“Għandna nieħdu azzjoni bikrija biex inġeddu u nsaħħu l-miżuri li jibnu fiduċja biex innaqqsu jew saħansitra neliminaw il-kawżi għan-nuqqas ta’ fiduċja, biża’, tensjonijiet u ostilitajiet oħra”.

“Miżuri bħal dawn jgħinu naħa waħda tinterpreta b’mod korrett l-azzjonijiet tal-oħra f’sitwazzjoni ta’ qabel il-kriżi permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni affidabbli u bla interruzzjoni dwar l-intenzjonijiet ta’ xulxin. Il-fiduċja tikber biss meta l-istati jkunu miftuħa dwar il-kapaċitajiet u l-pjanijiet militari tagħhom.”

Ekonomija

Sport