Saturday, December 21, 2024

Id-dinja li m’għadnix nagħraf

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Lil Pawlu issibu dejjem fuq il-pitkali. Dik il-parti tar-Rabat li dawk li huma barra mir-Rabat jafuha bħala fejn ir-Roma Villa jew fejn is-Serkin. Pawlu spiss jitkellem fuq kif inbidlet id-dinja. “Din id-dinja m’għadniex nagħrafha. Fadalli erbat ijiem hawn, u nħossni ħuta barra mill-ilma”. Iħares lejja u jgħidli “bidliet kbar mgħaġġlin li min hu bħali mhux ilaħħaq magħhom. Anki karozza llum, toħroġha ġdida tant fiha affarijiet li lili tgerfixni. Illum kulħadd għaddej itektek fil-mowbajl. Jien għandi xorti naf nużah bier inċempel.”

Jieqaf ftit u jkompli “ħares lejn il-banek. Konna nmorru fihom insarrfu l-paġa jew niġbdu l-flus. Illum kważi lanqas kaxxiera m’hemm. Trid tagħmel appuntament. Issa smajna oħra, daqshekk pagi fi flus kontanti. Jien nippreferi meta inbiegħ xi ħaġa nitħallas bi flus kontanti milli bil-kards. Imma d-dinja miexja biex donnu anke l-flus kontanti fl-idejn jispiċċaw. Forsi ma nkunx hawn jien meta jiġri dan. Kollox qed jipponta ‘lhemm”.

“Bien dilettant tal-futbol. Illum tant inbidlet id-dinja li lanqas logħba futbol id-dar kważi ma nista’ nara. Biex narata id-dar iridu jiġu n-neputijiet isibuhieli. It-televiżjoni kif inhu llum insibha diffiċli biex insib il-logħob. Allura nippreferi naraha f’każin. It-televiżjoni sar kumplikat. Qabel kont titfgħu fuq ir-Rai jew Canale 5 u tara l-logħob.”

Ikompli “jien hawn taf x’ngħidilhom. Inħossni żejjed. Dak li konna imdorrijin bih għeb. Hawn taf kemm kien hawn barijiet u ħwienet tat-titotla. Filgħaxija dejjem mimlijin bin-nies u anke matul il-ġurnata. Spiċċa kollox. Fadal erba’ tgħoddhom fuq id waħda. U jien is-soluzzjni li sibt taf x’inhi. Nintefa’ hawn għal kwiet u nħallieh iħabbat.”

L-anzjani llum isibuha diffiċli jżommu l-pass mal-bidliet

Min hu anzjan jista’ jara u jgħid, x’differenza minn żmien l-antik għal dak tal-lum, u ngħid f’qalbi kif konna ngħixu fejn ma kellna xejn bħalma għandna llum. Ħalli nsemmi oġġett wieħed ‘Il-mowbajl’. Kulħadd iżelleġ sebgħu fuqu u f’kemm ilni ngħidlek ikun jaf x’qiegħed jiġri mhux biss f’Malta iżda fid-dinja kollha. Mhux biss tkun taf imma anke tarahom dak il-ħin.

Illum tmur fejn tmur kulħadd itektek, irkeb fuq il-karozzi tal-linja, tisma’ sinfonija sħiħa. Tmur għal xi konferenza l-istess, saħan- sitra fil-Knisja. Darba kont qed nisma’ quddiesa u l-qassis waqaf u qal, ħallu l-quddiesa tispiċċa, imbagħad niżfnu. Minbarra dan kulħadd mgħaġġel. Tkun qiegħed issuq il-karozza u f’daqqa nzertajt id-dwal ħomor u allura jkollok tieqaf. Lanqas jilħaq jinxtegħel id-dawl aħdar li ma ssibx lil ta’ warajk ipaqpaqlek biex is-suq. Jew inkella għaddej fuq in-naħa ta’ ġewwa tat-triq, naturalment għażilt fuq in-naħa ta’ ġewwa biex ma waħda, idoqqu l-ħorn biex iżżid il-veloċità. Kullimkien hekk, m’hemmx għalfejn noqgħod insemmi postijiet għax issib kulħadd mgħaġġel.

“Il-parir tiegħi lil anzjani bħali hu li jekk int tħossok li ma tistax tlaħħaq mal-pass li miexja din il-ħajja jew tħossok bin-nervi jew għajjien jew li ma tistax tissaporti aktar, jekk dan hu l-każ kif semmejt aktar ʼil fuq allura ftakar li m’intix waħdek. Miljuni ta’ nies speċjalment fl-ibliet kbar isibu li l-ħajja saret ġirja waħda li tħallik bla nifs u tistordik. Dan japplika b’mod partikolari għall-pajjiżi tal-Punent.

“F’laqgħa reliġjuża li saret ftit tas-snin ilu ġewwa l-Istati Uniti, wieħed mill-kelliema staqsa lil dawk fl-udjenza biex jgħollu idhom jekk kienu jħossuhom għajjenin kważi l-ħin kollu. Minnufih dehret sħaba ta’ jdejn mgħollijin.

“Il-ktieb li jismu “Why am I So Tired” (Għala nħossni daqshekk għajjien) jgħid li fil-ħajja tal-lum jeżistu affarijiet li jikkaġunaw tensjoni kbira imma li qatt ma konna nisimgħu bihom qabel, min irid jilħaq l-ajruplan, min irid ilesti biċċa xogħol sa ċerta data, min irid jieħu t-tfal żgħar l-iskola u jmur għalihom fil-ħin u nibqgħu sejrin hekk.

“Dari l-ħajja kienet aktar sempliċi u l-pass tal-ħajja kien jimxi aktar bil-mod. In-nies kienu jgħixu fi qbil iktar maċ-ċikli tan-natura kienu matul il-ġurnata jaħdmu u x’ħin jidlam jinġabru mal- familja u mbagħad jorqdu. Illum hemm diversi raġunijiet għala n-nies iħossuhom iżjed għajjenin u mifluġin.

Ekonomija

Sport