Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm?
Tgħallimt l-għawm meta kelli xi sitt / seba’ snin. Mill-bidu jidher li kelli ħila għal dan l-sport. Ingħaqadt ma’ klabb tal-għawm u rbaħt numru ta’ avvenimenti.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
L-ikbar suċċess li ksibt minħabba l-għawm huwa li skoprejt il-“min jien?” xi ħaġa li ħafna nies ifittxuha mingħajr suċċess. Skoprejt li m’iniex persuna kompetittiva, irrealizzajt li ppreferajt il-taħriġ aktar mill-kompetizzjonijiet. Għalija ‘r-rebħa’ hija li nieħu gost kull darba li ngħum.
Kif tqis il-livell tal-għawm f’pajjiżna fil-preżent?
Bħalissa qed nara li l-livell tal-għawm f’Malta qed jikber sew, speċjalment fost it-tfal. L-għawm għall-adulti jibqa’ fl-infanzja, speċjalment għall-għawm kompetittiva. Hemm adulti li jieħdu gost l-għawn imma jħossuhom inċerti u nervużi bil-ħsieb li se jikkompetaw huma.
F’pajjiżi oħrajn il-kompetizzjonijiet għall-adulti huma separati minn dawk għat-tfal. Hawn Malta fejn riċentament adulti jibdew jikkompetaw fit-Time Trials narah b’mod pożittiv bħala pass ’il quddiem għax it-tfal u l-ġenituri (u l-uffiċjali) jistgħu jaraw l-opportunità li teżisti għall-adulti.
Nemmen li fil-futur se jkun hemm biżżejjed adulti sabiex jieħdu sehem f’diversi kompetizzjonijiet, u nistgħu nlaqqgħu għawwiema minn pajjiżi oħrajn biex jiġu hawn u jikkompetu magħna fl-ispirtu tal-ħbiberija.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Dan l-aħħar ir-riżorsi għall-għawn kibru ġmielhom f’pajjiżna. Hemm aktar pixxini u l-aħbar li l-pixxina f’Tal-Qali se tkun qed tiftaħ mill-ġid taħt il-kontroll ta’ Neptunes WPSC hija xi ħaġa pożittiva għalina lkoll.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-għawm?
Inħossni fortunata li noqgħod qrib il-pixxina tas-Sirens u riċentement bdejt nittrenja mal-adulti ta’ Finz Aquatics Club u sibt kowċis tajbin u nixtieq inkompli magħhom. L-eroj tiegħi hija għawwiema Ingliża, Jane Asher, li bħalissa għandha 93 sena u għadha tikkompeti. Irrid inkun bħalha bl-entużjażmu mhux biss għall-għawn imma wkoll għall-ħajja nnifisha!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-għawm.
Il-messaġġ tiegħi huwa “Ipprova – għax id-dinja tal-għawm hija miftuħa għal kulħadd!”