Saturday, November 23, 2024

“Id-dinja wara l-pandemija se tkun tistrieħ aktar fuq it-teknoloġija tal-komunikazzjoni”

Aqra wkoll

Miktub Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Joachim James Calleja jemmen li fix-xhur li ġejjin, bħala pajjiż se jkollna nagħmlu għażliet diffiċli dwar l-investimenti u l-prijoritajiet tagħna. Qal li meta nħabbtu wiċċna ma’ dawn l-għażliet, ikun tajjeb li niftakru dwar l-importanza tal-edukazzjoni għal kulħadd. 

F’intervista ma’ dan is-sit, Calleja qal li fil-fażi li jmiss tal-ħruġ minn din il-pandemija, hemm opportunitajiet ta’ investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Saħaq li b’mod speċifiku hemm lok ta’ investiment fit-taħriġ vokazzjonali, li jiffaċilita l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa hekk kif nirpiljaw mill-pandemija. Hu qal li bħala pajjiż għandna nkomplu niffokaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet li jtejbu l-impjegabilità, filwaqt li ninvestu fit-teknoloġija tat-tagħlim online u l-ħiliet diġitali għal kulħadd, li jassiguraw aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim. 

Hu stqarr li d-dinja wara din il-pandemija se tkun waħda fejn l-interdipendenza se tkun aktar tistrieħ fuq it-teknoloġija tal-komunikazzjoni u għalhekk qal li huma l-ħiliet f’dan is-settur li se jkomplu jagħmlu lil pajjiżna kompetittiv u attraenti għall-investiment barrani.   

Sfidi ġodda iżda koperazzjoni sħiħa

Mistoqsi dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq is-settur tal-edukazzjoni, il-Prinċipal tal-MCAST qal li bla dubju din hi sitwazzjoni li wasslet għal sfidi ġodda fis-settur edukattiv, li qatt ma rajna bħalhom. Spjega kif mill-bidu tal-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi, imħabbra fit-12 ta’ Marzu, l-MCAST beda b’diversi sforzi biex jiżgura l-inqas tfixkil possibbli fit-tagħlim. Saħaq li kien hemm koperazzjoni sħiħa mill-MUT, fejn l-attività ta’ tagħlim online kompla jiżdied u l-lekċerers kienu u għadhom qed joffru opportunitajiet għall-istudenti f’kull livell u fl-istituzzjonijiet kollha.

Calleja qal li l-edukaturi komplew iżommu kuntatt mal-istudenti, filwaqt li l-MCAST kompla jinsisti dwar il-ħtieġa li l-istudenti jinvolvu ruħhom fit-tagħlim online. Saħaq li l-parteċipazzjoni tal-istudenti qiegħda turihom li dawn il-miżuri ta’ tagħlim qed ikunu effettivi u għalhekk appella biex l-istudenti jagħmlu l-almu tagħhom biex jipparteċipaw f’dan it-tagħlim. 

Barra minn hekk, qal li l-MCAST ra wkoll li jindirizzaw l-ħtiġijiet tal-istudenti li kienu qegħdin jiffaċċjaw sfidi ta’ aċċessibilità. Qal li kien hemm studenti li ma kellhomx laptop jew kompjuter u għalhekk raw kif jistgħu jgħinuhom billi jipprovdulhom l-apparat meħtieġ. Semma wkoll li komplew jiġu offruti s-servizzi ta’ appoġġ għall-istudenti, biex jiġi żgurat il-benesseri tagħhom f’dawn il-mumenti diffiċli. Qal li dan sar anke permezz ta’ helpline. 

B’sodisfazzjon, il-prinċipal qal li f’din is-sitwazzjoni l-miżuri qegħdin ikunu effettivi, għax hemm ir-rieda tal-letturi, tal-ħaddiema u tal-istudenti. Saħaq li mingħajr kollaborazzjoni u mingħajr sens ta’ komunità qatt ma kienu jaslu biex iwettqu dawn l-inizjattivi. Qal li issa jridu jaraw ukoll kif din is-sitwazzjoni u l-miżuri li ttieħdu se jkollhom impatt fix-xhur u anke fis-snin li ġejjin. 

Rigward is-sitwazzjoni kif se tiżviluppa issa li se nibdew noħorġu minn din il-pandemija, Calleja qal li l-MCAST diġà beda b’diskussjonijiet u qed jippjana xenarji diversi li nistgħu nsibu ruħna fihom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Spjega li l-effetti tal-COVID-19 huma imprevedibbli, iżda qal li rridu nkunu lesti għal kull eventwalità. Spjega li l-għan aħħari tal-MCAST hu li l-istudenti jingħataw it-tagħlim li huma intitolati għalih, filwaqt li rrikonoxxa li l-akbar sfida għall-Kulleġġ hi li t-taħriġ prattiku ma jistax isir għalissa minħabba l-interazzjoni fil-workshops jew fil-laboratorji. Madankollu, hu qal li anke għal dan ix-xenarju qegħdin jittamaw li jsibu soluzzjonijiet. 

Il-Prinċipal qal li ċ-ċirkostanzi attwali tal-COVID-19 jolqtu lill-istudenti u jqajmu mistoqsijiet dwar il-futur tagħhom. Qal li issa, iktar minn qatt qabel, l-istudenti jeħtieġ li jħossuhom appoġġjati u jifhmu l-firxa ta’ għażliet ta’ tagħlim li huma disponibbli għalihom. Għalhekk qal li se jkomplu joffrulhom opportunitajiet ta’ tagħlim li huma miftuħin għal kulħadd – dawk li jibdew bl-ebda kwalifika u dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw jew ibiddlu l-karriera tagħhom. 

Qal ukoll li l-MCAST se jkompli jħejji korsijiet li jirriflettu l-ħtiġijiet attwali u futuri tal-industrija, biex b’hekk ikomplu jsaħħaħ il-ħiliet tal-istudenti tagħna ħalli jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal diversi oqsma f’pajjiżna.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Joachim James Calleja flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici

Ikomplu għaddejjin il-proġetti infrastrutturali

Mistoqsi dwar il-proġett infrastrutturali fuq ic-Ċentru tar-Riżorsi fl-MCAST, il-Professur Calleja qal li dan kompla għaddej, skont l-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Spjega li dan hu proġett uniku b’valur ta’ €10 miljun ewro, kofinanzjat mill-Fondi Ewropej. Qal li din il-binja se tiġbor fiha bosta attivitajiet tal-Kulleġġ, fosthom il-librerija, iċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Learning Support Unit, kif ukoll iċ-Ċentru tar-Riżorsi tat-Tagħlim. Fuq kollox qal li qegħdin jaraw kif dan l-ispazju jkun komdu għall-edukaturi, għall-istaff u għall-istudenti – kemm dawk full time kif ukoll dawk part time. Calleja qal li dan mhux biss investiment f’binja, imma jrid ikun spazju fejn l-edukaturi u l-istudenti joħolqu xogħol kreattiv u innovattiv; spazju li jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni.

Barra dan, qal li kompla għaddej ukoll il-proġett ta’ kostruzzjoni tal-binja tal-ICT. Semma li dan il-proġett hu stmat li se jiswa madwar €13-il miljun, fejn il-binja moderna hi mgħammra b’infrastruttura mill-aktar avvanzata u se tixpruna t-tagħlim fil-qasam tat-teknoloġija tal-kompjuters, networking u intelliġenza artifiċjali.

Minbarra dawn il-proġetti kbar, qal li tkomplew proġetti iżgħar bħan-nursing simulation room; workshop iddedikat għat-tagħlim tas-sengħa tal-bini, u workshop ieħor fejn l-istudenti jiġu mħarrġa fis-sengħa tal-kisi u tat-tqegħid tal-madum. Qal li hemm ukoll programm ta’ manutenzjoni mal-kampus kollu li jinsab għaddej u li jinkludi wkoll miżuri għal meta jerġa’ jiftaħ u allura biex tkun assigurata s-saħħa tal-istudenti u tal-ħaddiema kollha tal-MCAST. 

Minkejja l-pandemija, il-proġetti infratrutturali fl-MCAST baqgħu għaddejjin

Bidla fil-mod kif isiru l-eżamijiet

Inewsmalta staqsiet ukoll lill-Prinċipal tal-MCAST biex jgħidilna x’se jkun qed jiġri mill-eżamijiet. Calleja qal li l-impatt tal-Coronavirus wassal lill-Kulleġġ biex jagħmel bidliet fil-mod kif isiru l-eżamijiet u l-assessjar. Sostna li dan sar biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-istudenti u tal-istaff, filwaqt li nżammet il-kwalità u l-integrità tal-kwalifiki.

Għalhekk qal li minn issa sa Lulju mhux se jsir assessjar fuq il-kampus. Qal li l-assessjar li jista’ jsir online se jiġi konkluż sal-10 ta’ Lulju 2020, filwaqt li l-bqija tal-assessjar, speċjalment dak għall-units prattiċi se jitlesta sal-bidu ta’ Ottubru 2020. Barra hekk, qal li se jkomplu jagħmlu użu mit-teknoloġija u qed jaraw kif se jiġu skedati l-komponenti prattiċi obbligatorji f’Settembru, qabel il-bidu tas-sena akkademika l-ġdida.

Prospectus 2020/2021… 191 programm f’livelli differenti

Rigward il-Prospectus għas-sena 2020/2021, li għadu kemm ġie mniedi, il-Professur Calleja qal li l-MCAST dejjem ipprovda edukazzjoni li tmur lil hinn mill-kurrikulu tal-klassi, bl-opportunità li jinkisbu kwalifiki rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Qal li diversi programmi ġodda ta’ studji u taħriġ jiġu kontinwament miżjudin mal-lista ta’ korsijiet offruti, fejn il-Prospectus 2020/2021 jinkludi xejn inqas minn 191 programm f’livelli differenti fis-sitt istituzzjonijiet tal-MCAST. Sostna li l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-industrija, kif ukoll ir-riflessjoni kontinwa dwar fejn jistgħu jwasslu r-realtajiet u teknoloġiji ġodda, wasslu lill-MCAST biex iniedi seba’ programmi ġodda. 

Semma li wieħed minn dawn il-korsijiet hu d-Diploma Avvanzata fir-Robotika, it-Teknoloġija tad-Drones, l-Awtomazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali. Qal li dan il-kors hu eżempju ta’ kif l-MCAST qed jieħu vantaġġ mill-opportunitajiet maħluqa mit-teknoloġija avvanzata, filwaqt li sostna li l-kors tad-Diploma se jinkludi xogħol prattiku li jiggwida lill-istudenti jiżviluppaw ħiliet u jiksbu għarfien fit-teknoloġija.

Rigward il-Prospectus, hu qal li dan juri wkoll programmi ġodda fl-oqsma tal-avjazzjoni; il-finanzi u l-assigurazzjoni; u it-trasport u l-ġestjoni tal-loġistika. Qal li dawn kollha ġew imfassla b’konsultazzjoni mal-industrija, filwaqt li spjega kif is-sena li għaddiet ġew riveduti 21 kwalifika biex ikunu aktar relevanti għad-dinja tax-xogħol. Qal li dan jagħmel lill-MCAST istituzzjoni partikolari, fejn l-għan hu dejjem li kull kwalifika tkun xprunata mill-ħtiġijiet tad-dinja tax-xogħol. Il-Prospectus hu disponibbli fuq il-website www.mcast.edu.mt jew inkella mill-kunsilli lokali.  

Imniedi l-Prospectus għas-sena 2020/2021

L-edukazzjoni wara l-COVID-19

Intant, tkellimna wkoll mal-Professur Calleja dwar ir-rwol li se jkollha l-edukazzjoni wara li tgħaddi l-pandemija. Hu qal li l-COVID-19 qiegħda twassal biex jiġu sfidati kunċetti ta’ meta, fejn u kif titwassal l-edukazzjoni, ir-rwol tal-kulleġġi u l-universitajiet u l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja. Qal li qed jitpoġġew ukoll aspettattivi ġodda fuqhom bħala MCAST, f’termini ta’ kif isir it-tagħlim u l-valuri tat-tagħlim.

Qal li tajjeb li niftakru li t-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum huma l-għalliema, l-infermiera, it-tobba, ir-riċerkaturi, l-esperti tas-saħħa pubblika u l-ħaddiema ta’ għada. Għalhekk qal li jeħtieġ li nkomplu ninvestu fit-tagħlim illum biex inkunu ppreparati aħjar biex insolvi l-epidemiji, il-kriżijiet u l-isfidi ta’ għada. Saħaq li d-dinja tal-lum u aktar u aktar dik ta’ għada se tkun dinja li fiha l-ebda impjieg ma jkun jista’ jsir mingħajr ħiliet li wieħed jakkwista permezz tal-edukazzjoni u t-taħrig. 

Filwaqt li jemmen li meta jinstab il-vaċċin il-ħajja terġa’ lura għal dak li konna mdorrijin bih, min-naħa l-oħra jħoss li d-differenza se tkun li s-saħħa tingħata prijorità. Qal li dan għandu jingħata prijorità fl-infrastruttura għall-edukazzjoni, partikolarment fil-binjiet, fl-iġene, fil-mod kif jiġu organizzati l-laqgħat fuq livell nazzjonali u anke dawk internazzjonali. Saħaq li wisq probabbli l-akbar rivoluzzjoni se tkun li jintrebaħ ħafna ħin fl-organizzazzjoni tal-laqgħat.

Rigward liema setturi għandna ninvestu aktar fihom biex noħorġu b’saħħitna minn din il-pandemija, il-Prinċipal tal-MCAST qal li hu jaħseb li aktar milli niffokaw fuq setturi speċifiċi, għandna nitkellmu dwar il-ħiliet meħtieġa fis-setturi kollha. Sostna li anke jekk inħarsu lejn kif Malta qed tirnexxi bħalissa biex tiġġieled kontra l-pandemija, l-akbar ħiliet huma l-abbiltà li nippjanaw, nikkomunikaw, li nkunu reżiljenti u anke flessibbli. Sostna li s-suċċess tagħna hu determinat ukoll minn attitudni intraprenditorjali u l-abilità li naddattaw f’ambjent li qed jinbidel malajr, anke f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. 

Calleja qal li fl-oqsma kollha tal-industrija, fis-setturi tal-arti, fit-teknoloġija u fix-xjenza, dawn il-ħiliet huma kollha meħtieġa. Għalhekk qal li biex nirnexxu u nkunu minn ta’ quddiem, issa aktar minn qatt qabel, irridu noħolqu ambjenti tax-xogħol b’aġilità u b’kultura fejn l-impjegati jistgħu jakkwistaw ħiliet ġodda.

Sport