Thursday, December 26, 2024

Id-Dipartiment tal-Infurzar Marittimu jingħata l-ewwel tliet RHIBs ġodda

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li d-Dipartiment tal-Infurzar Marittimu (MED) ngħata l-ewwel tliet RHIBs ġodda b’investiment li jlaħħaq il-€500,000, sabiex ikun jista’ jżid il-portata tiegħu. Dan wara li Transport Malta kkuntrattat ħames RHIBs ġodda li minnhom diġà waslu tlieta.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “Minkejja li dan l-investiment ikompli juri kemm is-settur marittimu ta’ pajjiżna hu wieħed b’saħħtu u mgħammar bl-aħħar teknoloġija, dan tal-lum juri wkoll kemm il-gvern għandu għal qalbu il-ħaddiem u li lest ikompli jinvesti fih sabiex jipprovdilu l-aqwa għodod neċessarji sabiex il-ħidma tkun tista’ ssir b’aktar kumdità u b’aktar sigurtà. Bħalissa, l-MED għandha erba’ assi għad-dispożizzjoni tagħha, u bl-assi l-ġodda l-flotta se tiżdied għal disa’ dgħajjes.

L-edukazzjoni fuq il-baħar saret aktar importanti minn qatt qabel u dan għaliex l-attività fuq l-ibħra tagħna qiegħda dejjem tiżdied, u għalhekk jeħtieġ li nkunu responsabbli, kemm min ikun qed isuq xi opra fil-baħar kif ukoll min forsi jkun qed jgħum. Dawn it-tip ta’ dgħajjes jintużaw minn baħħara professjonali, speċjalment minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi u forzi ta’ operazzjonijiet speċjali marittimi, u għalhekk ħassejna l-ħtieġa li l-uffiċjali tagħna għandhom jingħataw l-istess livell ta’ għodod sabiex inkomplu anke ngħollu l-livell tal-qasam marittimu ta’ pajjiżna.”

Ir-RHIBs il-ġodda se jipprovdu lill-uffiċjali tal-MED aktar sigurtà u kumdità biex iwettqu dmirijiethom f’ambjent imtejjeb, u jagħtuhom il-kapaċità li jibqgħu għal aktar tul ta’ ħin ’il barra fuq il-baħar. L-assi l-ġodda se jtejbu l-esperjenza tax-xogħol tal-uffiċjali tagħha u jippermettu wkoll lill-MED biex twettaq u topera f’kundizzjonijiet tal-baħar aktar diffiċli, anke bil-lejl.

Dawn ir-RHIBs fihom tul ta’ 35 pied, huma mgħammra b’dik li tissejjaħ cuddy cabin u mħaddma b’muturi doppji tad-ditta Yamaha 250 HP.

Skont statistika, jirriżulta li minn Jannar sa Ġunju, in-numru totali ta’ spezzjonijiet imwettqa relatati mal-miżuri tal-Covid-19 kienu jammontaw għal 1155.

Ekonomija

Sport