Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili temm b’suċċess missjoni ta’ ħamest ijiem ta’ assistenza lill-poplu Libjan fil-muniċipalità ta’ Al-Asabaa, hekk kif għexieren ta’ djar inħakmu min-nirien li s-sors tagħhom ma setax jiġi stabbilit.
Matul dawn il-jiem, ħames uffiċjali Maltin, taw l-assistenza tagħhom billi analizzaw is-sitwazzjoni u mill-għarfien tagħhom issottomettew ir-riżultati preliminari tagħhom lill-Awtoritajiet Libjani għal aktar investigazzjoni. Din il-missjoni saret permezz tal-mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili, li permezz tiegħu pajjiżna qed joffri għal darb’oħra għajnuna umanitarja, kif għamel diġà fil-Libja stess, fil-Greċja u t-Turkija fost oħrajn. Missjoni li matulha kienu wkoll assistiti minn esperti internazzjonali mill-Estonja u l-Finlandja.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li dan huwa l-mod kif id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili llum qiegħed juża r-riżorsi u l-għarfien li għandu biex jassisti mhux biss lil familji f’pajjiżna iżda anke barra minn xtutna. Ser nibqgħu ninvestu fil-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati u fl-għodda tagħhom biex jibqgħu jagħtu l-aqwa servizz lill-familji.
Min-naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro kellu kliem ta’ ringrazzjament għaċ-Ċentru Nazzjonali għall-Emerġenzi, Kriżijiet u Mmaniġġjar ta’ Diżastri Libjan għall-appoġġ li tawhom fit-twettiq ta’ ħidmiethom filwaqt li tenna l-impenn tal-uffiċjali li jibqgħu jagħtu s-sostenn tagħhom kif meħtieġ, dejjem favur aktar sigurtà għall-familji.