Thursday, January 22, 2026

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser jintervjeni fil-lokalitajiet wara l-maltempata Harry

Appell lill-kunsilli lokali biex jirrapportaw il-ħsarat li ġew ikkawżati

Aqra wkoll

Il-maltempata Harry li ħakmet lil pajjiżna fl-aħħar jiem ħalliet riperkussjonijiet infrastrutturali devastanti madwar il-pajjiż kollu. Il-Gvern, madanakollu, permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Infrastructure Malta se jkun qed jintervjeni billi tittieħed azzjoni fejn hemm bżonn.

Għaldaqstant, id-Dipartiment qed jitlob lill-kunsilli lokali sabiex jirrapportaw il-ħsarat li ġew ikkawżati, partikolarment dawk li jippreżentaw periklu, sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew li jaffettwaw l-aċċessibilità billi timtela l-formola li nbagħtet lil kull kunsill lokali mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jew f’każ ta’ diffikultà jċemplu fuq 22922222.

Din l-azzjoni tgħaqqad mal-interventi li diġà ttieħdu f’numru ta’ żoni kostali fejn il-maltemp ikkawża ħsarat kbar fosthom il-Mellieħa, Marsaskala, ix-Xgħajra, il-Kalkara u Għar Lapsi, fost oħrajn. 

Il-Ministru Chris Bonett sostna li, “B’dan il-mod, il-kunsilli lokali se jkunu qed jiffaċilitaw is-sistema biex isiru t-tiswijiet meħtieġa b’effett immedjat. Bħalma dejjem konna mal-ħaddiema, il-familji u s-sidien tan-negozji fil-mument tal-bżonn, hekk se nkunu qed nerġgħu nagħmlu issa biex l-ebda individwu ma jġorr il-piżijiet waħdu.”

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia rringrazzja lill-kunsilli lokali u lill-ħaddiema li qed jassistu biex dawn il-ħsarat jissewwew mill-aktar fis u b’mod sigur għall-komunitajiet tagħna. “Irrispettivament kif jinqalgħu ċ-ċirkostanzi, anke jekk naturali, qed nimxu kif dejjem imxejna mal-poplu. Li nkunu ta’ spalla fl-aktar mumenti ta’ bżonn.”

Intant l-appell jibqa’ li l-pubbliku m’għandux iżur żoni kostali fejn ingħalqu mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex tkun imħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-poplu Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport