Il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono sostniet li d-diplomazija se tkun l-għodda sabiex jiġu mrattba l-irjus u l-qlub iebsa biex jitrażżnu l-kunflitti u titnissel l-għaqda. Hija qalet dan ilbieraħ meta ltaqgħet mal-Korp tal-Konsli Onorarji fl-iskambju tal-awguri għas-Sena l-Ġdida.
Fid-diskors tagħha, il-President semmiet kif matul l-2024, Malta baqgħet miexja fi triqtha ’l quddiem fejn anke tfakkru diversi avvenimenti importanti fl-istorja rikka tagħha.
Filwaqt li enfasizzat li l-ekonomija Maltija baqgħet tikber u tistagħna, il-President enfasizzat li madanakollu pajjiżna għandu quddiemna sfidi ġodda iżda r-reżiljenza li dejjem urejna se tkun għodda kruċjali biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati, fosthom is-sostenibbilità u l-protezzjoni tal-ambjent, il-konservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali, u l-ippjanar bil-għaqal fejn jidħol l-iżvilupp tal-industrija tal-kostruzzjoni.
Fuq kollox, iż-żamma ta’ livell għoli ta’ kwalità ta’ ħajja, b’kundizzjonijiet li jirregolaw id-dinja tax-xogħol, msejsa fuq drittijiet u dmirijiet reċiproċi tas-sid u tal-ħaddiem, mhux biss għaċ-ċittadini Maltin, iżda wkoll għal dawk li ġew fostna jfittxu opportunitajiet ġodda.”
Tkellmet ukoll fuq diversi kunflitti li għaddejjin bħalissa fosthom fil-Libanu li l-waqfien mill-ġlied fihom joħloq tama li għad hemm ċans li jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat.
Il-President Spiteri Debono tenniet li x-xogħol tal-Konsli Onorarji jwassal b’mod dirett għat-tkattir tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn Malta u l-pajjiżi li jirrappreżentaw. Hija sostniet ukoll it-twemmin tagħha li l-ħidma konsolori se tkun dejjem aktar importanti fiż-żmien li ġej.
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela, fil-Berġa ta’ Kastilja, laqa’ lill-Korp tal-Konsli Onorarji għall-istess skambju t’awguri. Huwa qal li hekk kif qed inħarsu ’l quddiem lejn is-sena 2025, “aħna impenjati li nkomplu naħdmu bis-sħiħ fi ħdan il-komunità internazzjonali u fl-isfera multilaterali.” Qal ukoll li fiċ-ċentru tad-diplomazija jinstab impenn biex jiġu kkultivati relazzjonijiet internazzjonali aktar b’saħħithom u biex titrawwem koperazzjoni dejjiema.
“Hekk kif nilqgħu s-sena l-ġdida, għandna nieħdu l-opportunità li nikkonfermaw mill-ġdid id-dedikazzjoni tagħna lejn Malta biex tibqa’ miftuħa, dinamika, u kollaborattiva, lejn it-tisħiħ tal-kummerċ barrani u lejn l-iskambju kulturali biex ir-relazzjonijiet tagħna ma’ pajjiżi oħra dejjem ikomplu jitkattru,” tenna l-Prim Ministru.