Ix-xhur tax-xitwa jistgħu jkunu diffiċli għal ħafna nies. Hemm ħafna affarijiet li jiġru matul ix-xitwa li jistgħu jfixklu r-rutina ta’ xi ħadd u l-ħajja soċjali tal-individwi. Waħda mill-problemi ewlenin hija s-solitudni, li ħafna drabi tiżdied minħabba t-tnaqqis fl-attivitajiet soċjali.
Matul ix-xitwa, ħafna nies speċjalment l-istudenti jesperjenzaw stress tal-eżamijiet u żieda fil-volum tax-xogħol. Fl-istess ħin, l-istaġun tal-festi joħloq pressjoni addizzjonali għal dawk li jaħdmu, peress li l-għaġla tal-Milied ħafna drabi tagħmilha diffiċli biex wieħed isib ħin liberu. Minħabba f’hekk, ħafna nies isibuha diffiċli biex jikkomunikaw ma’ ħbieb u mal-familja, dan jista’ jaffettwa lill min ikun b’mod negattiv is-saħħa mentali u jwassal għal sentimenti ta’ iżolament.
It-temp fix-xitwa wkoll jillimita l-attivitajiet barra, u jagħmilha aktar diffiċli biex wieħed joħroġ u jgawdi l-ħin liberu. Dan in-nuqqas ta’ moviment u arja friska jista’ jikkontribwixxi għal burdata ħażina u nuqqas ta’ motivazzjoni.
Id-dipressjoni ta’ matul ix-xitwa, magħrufa wkoll bħala Seasonal Affective Disorder (SAD), spiss tkun marbuta ma’ nuqqas ta’ dawl tax-xemx u żieda fil-jiem mudlama u bix-xita. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jagħmluha diffiċli biex persuni jibqgħu motivati u enerġetiċi. It-temp tax-xitwa jista’ wkoll jinkoraġġixxi bidliet fl-imġiba li mhumiex b’saħħithom u jfixkel ir-rutina ta’ kuljum. In-nies jistgħu jkunu aktar vulnerabli għal irqad eċċessiv, żieda fil-piż, irritabilità u nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni.
Dan it-tip ta’dipressjoni jaffettwa miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Studji juru li bejn 0.5% u 10% tal-popolazzjoni globali tesperjenza dan it-tip ta’dipressjoni, b’nisa u żgħażagħ jkunu affettwati b’mod aktar frekwenti.
Kif Tista’ Tipprevjeni s-Solitudni u d-Dipressjoni Staġjonali
Biex tgħin tnaqqas is-sentimenti ta’ solitudni jew dipressjoni staġjonali matul ix-xitwa, huwa importanti li żżomm f’moħħok dawn il-punti:
- Ibqa’ f’kuntatt ma’ dawk qrib tiegħek: Kemm jekk telefonata, messaġġ, mixja qasira jew attività ġewwa, kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni tista’ tgħin biex tnaqqas is-sentimenti ta’ iżolament
- Żid l-ammont tad-dawl: Uża bozoz, terapija bid-dawl, xemgħat jew sorsi oħra li jimitaw id-dawl naturali tax-xemx u meta jkun possibbli, oħroġ barra matul il-ħinijiet tad-dawl.
- Eżerċizzju regolari: L-attività fiżika tgħin biex iżżomm rutina, u tagħtik xi ħaġa pożittiva fuq xiex tiffoka matul il-ġurnata.
- Tkellem dwar kif tħossok: Evita li żżomm l-emozzjonijiet ġewwa fik. Li titkellem ma’ ħbieb, familja jew professjonisti jista’ jagħmel differenza kbira.




