Monday, November 11, 2024

Id-Direttur tal-ħabs sab quddiemu messaġġ ċar li l-Qorti qiegħda tawtorizza t-talba ta’ Degiorgio

Aqra wkoll

Fil-Parlament tqajmet il-kwistjoni dwar il-fatt li persuna li qiegħda tiskonta sentenza ta’ priġunerija dwar qtil, George Degiorgio, ingħata permess biex joħroġ mill-ħabs għal ftit sigħat biex jattendi festin tal-familja anke bil-permess tal-Qorti.

Kien id-Deputat Laburista Randolph Debattista li staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri dwar dan, wara li kienu ħafna dawk li ħarġu jikkundannaw din id-deċiżjoni fosthom il-Prim Ministru nnifsu. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri saħaq li din kienet deċiżjoni insensittiva li jemmen li qatt ma kellha tkun. “Persuni li wettqu atti kriminali, atroċi, li lanqas biss juru rimors għal dak li huma jkun wettqu ma naħsibx li s-soċjetà tagħna trid illi jingħata xi messaġġ ta’ business as usual,” qal il-Ministru Camilleri. “Jekk xejn b’rispett lejn il-vittmi, lejn il-familjari tal-vittmi, mhux biss f’dan il-każ imma wkoll fil-każijiet l-oħra kollha.”

Il-Qorti tat deċiżjoni fuq talba tal-Avukati ta’ George Degiorgio, kemm biex jattendi magħmudija, kif ukoll festin li segwa. L-Avukat Ġenerali ma qabilx. F’deċiżjoni oħra tal-Qorti, li bl-ebda mod ma rtirat din id-direzzjoni jew tat x’tifhem li l-awtorizzazzjoni kellha tkun irtirata.

Dak li sab quddiemu d-Direttur tal-Ħabs kien messaġġ ċar li l-Qorti kienet qiegħda tawtorizza.

Infurmat li mbagħad imxew ma’ dik id-direzzjoni bħal meta jkun hemm direzzjonijiet tal-Qorti.

Il-ġustizzja mhux biss trid issir, imma trid tidher li qed issir anke mal-vittmi

“Dan huwa messaġġ ċar ħafna li qed nibagħtuh hawn. Jeħtieġ li nkomplu nibagħtuh. Iva min qed jiskonta sentenza għax għamel il-ħażin għandu drittijiet tiegħu u tagħha iżda s-soċjetà għandha drittijiet tagħha, il-vittmi u l-familjari tal-vittmi għandhom id-drittijiet tagħhom u jeħtieġ li bl-ebda mod dawk id-drittijiet nikrbu jew inħassruhom”, tenna Camilleri

Sport