“Bħala omm li għandi tifla ta’ kważi sentejn tattendi child care, servizz li bħalna jagħmlu użu minnu eluf ta’ familji, diskors bħal dan ma nistax nifhmu. B’liema dritt din il-kundanna?! B’liema dritt dan il-ġudizzju? Nista’ nixhed kemm il-carers huma dedikati u professjonali. Kemm l-attivitajiet li jsiru f’dawn iċ-ċentri jikkumplimentaw dak li nagħmlu aħna bħala ġenituri”
Dan iddikjaratu s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali, b’reazzjoni hekk kif ilbieraħ l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma qal; “Ma nixba’ qatt nikkundanna ċ-childcare centres sal-età ta’ sentejn”.
Buttigieg irrimarkat li; “Id-diskors li min jagħmel użu miċ-child care bħal donnu qed jabbanduna l-uliedu m’għandux mis-sewwa. Ic-childcare, illum bla ħlas, kien miżura essenzjali għal eluf ta’ ġenituri Maltin u Għawdxin. Miżura soċjalista li mhux biss għenet biex aktar nisa jieħdu l-indipendenza ekonomika tagħhom, imma llum sar parti kruċjali mill-edukazzjoni formattiva tat-tfal”
Tenniet tgħid li għalhekk huwa inġust immens li ġenituri jiġu ġġudikati bħal li kieku huwa xi dnub li tibgħat lit-tfal ic-childcare. Qalet ukoll li; “Lill-ġenituri ngħinuhom fit-trobbija ta’ uliedhom billi noffru aktar servizzi ta’ sostenn”.

