Sunday, December 22, 2024

ID-DISKREPANZA FIL-PENSJONIJIET BEJN IN-NISA U L-IRĠIEL

Aqra wkoll

F’pajjiżna minkejja is-servizzi u l-benefiċċji li jeżistu, fejn fl-aħħar jiem rajna ukoll miżura fejn it-trasport pubbliku ġie bla ħlas, qiegħed jirriżulta li qegħdin jiżdiedu l-anzjani li għandhom ‘lfuq minn 65 sena li qegħdin jaqgħu fir-riskju tal-faqar. Żdiedu kemm l-irġiel u kemm in-nisa. Minn din l-istatistika ippubblikata jirriżulta li ż-żieda kienet akbar għan-nisa. 

Ma rridux ninsew li wara snin twal bil-pensjonijiet ma jiżdidux, fl-aħħar snin il-pensjonijiet reġgħu bdew jiżdiedu. 

Fiż-żmien li qegħdin ngħixu fih, fejn id-dinja kollha qiegħda tintlaqat minn inflazzjoni għolja ħafna, ċertu kategoriji ta’ persuni fosthom dawk l-aktar vulnerabbli qed jsibuha aktar diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja. Qed isibuha ukoll aktar u aktar diffiċli biex iżommu l-kwalità tal-ħajja li kienu qed jgħixu fiha sa ftit xhur ilu. Din hi r-realtà ta’ ħafna anziani f’pajjiżna. 

Realtà li l-anzjani tagħna qegħdin iħossu li qiegħda tnaqqsilhom il-kwalità tal-ħajja. Il-mod kif il-prezzijiet qegħdin jogħlew, flimkien ma’ servizzi li għolew sew fil-prezz, qegħdin jaffettwaw il-ħajja u l-għixien tal-pensjonanti tagħna. Illum m’humiex ftit dawk l-anzjani li qegħdin jilmentaw li l-pensjoni qed jippruvaw iġebbduha kemm jistgħu. 

Xi ħaġa li tispikka hi dik li n-nisa anzjani huma f’riskju akbar li jaqgħu fil-faqar. 

Dan qed jiġri għax hemm rata għolja ta’ anzjani nisa li m’għandhomx pensjoni u għalhekk jiddependu fuq il-pensjoni tar-raġel jew inkella għandhom pensjoni baxxa. 

Hu fatt ukoll li n-nisa u dan mhux f’pajjiżna biss, ikollhom pensjoni li tkun inqas minn tal-irġiel. 

Din hi diskriminazzjoni li minnha qegħdin ibatu in-nisa pensjonanti. Qegħdin ibatu b’tali mod li l-kwalità tal-ħajja tagħhom tmur lura. Statistika li kienet inħarġet ftit snin ilu eżattament fis-sena 2018 kienet uriet li minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu u Malta kellhom l-għola diskrepanzi bein il-pensjoni tal-irġiel u tan-nisa. L-istatistika kienet uriet li fil-Lussemburgu in-nies ta’ lfuq minn 65 sena kienu jirċievu pensjoni li kienet 43 fil-mija inqas minn dik tal-irġiel. Wara l-Lussemburgu, ġiet Malta fejn l-istatistika uriet li nisa ta’ ‘lfuq minn 65 sena kienu jaqbdu pensjoni li hi 42 fil-mija inqas. 

L-ispjegazzjoni għal din id-diskrepanza fil-pensjonjiet għandha l-għeruq tagħha fuq il-fatt li n-nisa jaħdmu inqas snin mill-irġiel minħabba ‘waqfiet’ marbutin mat-trobbija tat-tfal. Raġuni oħra hi dik marbuta ma’ kemm kien jaħdmu sigħat fejn ħafna nisa għamlu snin jaħdmu part tajm u mhux full tajm. Hemm imbagħad il-paga, fejn anki hawn l-irġiel jitħallsu aktar. Ma’ dan trid iżżid il-kwistjoni ta’ nisa li jispiċċaw jinqabżu fil-promozzjonijiet għax sempliċiment huma nisa u dan jaffettwalhom id-dħul tagħhom. 

Din hi inugwaljanza li nemmnu li għandha tiġi mistħarrġa fil-fond u trattata biex titnaqqas. Ma ninsewx li l-istatistika turi it-tendenza li n-nisa jgħixu aktar mill-irġiel u dan iwassal għal aktar spejjeż relatati ma’ tobba u mediċini, liema spejjeż iwassluhom għal riskju akbar ta’ faqar. 

Nemmnu li pajjiżna fl-aħħar snin kien qed jieħu passi biex jibda jitrattata dan. Il-fatt li l-gvern jibqa’ impenjat li l-pensjonijiet jiżdiedu b’mod regolari għandu jgħin. Nemmnu ukoll li pajjiżna irid jaċċerta li l-pensjonanti nisa jgawdu mill-pensjoni tar-raġel tagħhom b’mod ugwali. Ma dawn nemmnu imma li għandu jkun hemm aktar miżuri u inċentivi li jħajru anzjani jibqgħu fid-dinja tax-xogħol mingħajr ma jħossu li qegħdin jaħdmu kważi għal xejn jew biex parti sostanzjali minn dak li jaqilgħu iħallsuh f’taxxa. 

Ekonomija

Sport