Thursday, July 17, 2025

Id-diskussjoni dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita tkompli mal-imsieħba soċjali

Aqra wkoll

Filwaqt li l-konsultazzjoni pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita ntemmet uffiċjalment fit-2 ta’ Lulju, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, iltaqa’ mal-membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex jiddiskutu dan is-suġġett mal-imsieħba soċjali.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul faħħar id-diskussjoni produttiva li seħħet fl-MCESD u nnota l-attiviżmu tal-imsieħba soċjali u d-djalogu kostruttiv li tqajjem. Qal li l-Gvern f’dan kollu għandu rwol kruċjali, dak li jqajjem diskussjoni dwar suġġetti sensittivi bħal dawn u li jaffettwaw direttament ħajjet in-nies, u li wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx magħhom, iżda li huma importanti li jiġu diskussi. Dr Ellul irrefera għall-importanza tal-MCESD fejn qal li d-djalogu fi ħdan l-MCESD hu imperattiv li jibqa’ b’saħħtu sabiex b’mod konkret jibqa’ jsir aktar ġid fis-soċjetà tagħna.

Matul il-preżentazzjoni tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li din il-konsultazzjoni qanqlet diskussjoni serja u importanti fil-pajjiż, li wasslet sabiex inġabru eluf ta’ sottomissjonijiet dwar dan is-suġġett. Hija stqarret kif dan il-proċess wassal ukoll biex jiġu indirizzati temi relatati, fosthom il-kura paljattiva. Filwaqt li l-Gvern kien diġà qed jinvesti b’mod sinifikanti f’dan il-qasam, din il-konsultazzjoni għenet sabiex titqanqal iktar kuxjenza dwar dan is-servizz, inkluż billi tħeġġeġ aktar professjonisti sabiex joffru s-servizz tagħhom f’dan il-qasam tant delikat u sensittiv.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, saħaq li f’din il-laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD ġie indirizzat is-suġġett sensittiv tal-ewtanasja volontarja assisita fil-preżenza tal-kumitat li ħadem fuq il-White Paper. Id-diskussjoni offriet spazju lill-imsieħba biex jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom dwar kif dan is-suġġett jolqot lin-nies u lis-setturi li jirrappreżentaw, kif ukoll biex jipproponu tibdil jew titjib fil-proposti. Il-kontributi tagħhom kienu ta’ valur għal dawk involuti fil-proċess ta’ tfassil tal-politiki u liġijiet.

Din id-diskussjoni serviet bħala mudell ta’ kif l-MCESD jista’ jiffaċilita djalogu soċjali fuq suġġetti ta’ piż sensittiv u etiku, u enfasizzat ir-rwol kruċjali tal-imsieħba soċjali bħala vuċi plurali, responsabbli u impenjata fil-proċess ta’ tfassil tal-politika pubblika.

Intant dan il-proċess ta’ djalogu mal-imsieħba soċjali jkompli jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern biex jisma’ u jifhem il-perspettivi diversi fis-soċjetà. Id-dokument ippreżentat mill-Gvern għad-diskussjoni, kif ukoll materjal relatat, jistgħu jiġu aċċessati minn fuq is-sit facts.gov.mt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport