Friday, December 20, 2024

“Id-diversi forom ġodda ta’ xogħol għandhom jiġu regolarizzati b’mod immedjat għall-protezzjoni tal-ħaddiema”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ta’ kull sena, fl-20 ta’ Frar, niċċelebraw il-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali li l-għan tiegħu huwa li jiżdied għarfien dwar l-inugwaljanza soċjali u li tħeġġeġ lill-popli minn kull livelli tas-soċjetà mid-dinja kollha ħalli f’ħidma kollettiva ntemmu l-faqar, il-preġudizzji lejn l-identità sesswali u bijoloġika, in-nuqqas ta’ edukazzjoni u jispiċċa l-fantatiżmu reliġjuż. It-tema ta’ din is-sena hija “Il-Kisba tal-Ġustizzja Soċjali permezz tal-Impjieg Formali”, tema li l-General Workers’ Union (GWU) ilha tisħaq fuqha. Dan is-sit tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, fejn saħaq li d-diversi forom ta’ xogħol f’dinja ġdida ta’ xogħol li żdiedu minħabba l-pandemija tal-Covid-19, għandhom b’mod immedjat jiġu regolarizzati ħalli dawn il-ħaddiema jiġu protetti.

L-għan wara dan il-jum internazzjonali skont il-Ġnus Magħquda huwa li jkun hemm koeżistenza ta’ paċi u prosperità bejn in-nazzjonijiet tad-dinja. It-tema magħżula għal din is-sena se tiffoka dwar il-formalizzazzjoni tal-impjiegi bħala prerekwiżit għat-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanza. Bugeja aċċenna l-fatt li l-enfasi din id-darba qiegħda tkun fuq it-tranżizzjoni minn ekonomija informali għal waħda formali biex jonqos il-faqar u l-inugwaljanza. “L-għan huwa li inqajjmu aktar kuxjenza b’mod dinji u jsir sforz għal xogħol dinjituż għall-qerda tal-faqar, il-promozzjoni ta’ impjieg fl-ekonomija formali u xogħol diċenti, protezzjoni soċjali, ugwaljanza bejn is-sessi u ġustizzja soċjali għal kulħadd,” kompla s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Bħala GWU ilhom jitkellmu dwar id-dinjità fl-impjiegi u l-ħtieġa li dawn it-tip ta’ impjiegi jiġu regolarizzati biex dawn il-ħaddiema jkollom kundizzjonijiet xierqa, jitnaqqsu l-inugwaljanzi, jiżdied id-dħul, tiżdied il-produttività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi u titjieb il-kwalità tal-ħajja. Bugeja spjega li impjiegi f’ekonomija formali jfissru xogħol dinjituż, aktar produttività u aktar dħul għall-Gvern. 

Barra minnhekk huwa qal li l-Covid-19 wassal għal tibdil kbir fid-dinja tax-xogħol u li għallhekk huwa aktar essenzjali biex in-nies u x-xogħol ikunu ssalvagradwati. Hawnhekk huwa ma kienx qiegħed jiitkellem biss dwar il-ħaddiema tat-tqassim tal-ikel, imma wkoll dwar xogħol li jsir fuq pjattaformi elettroniċi, ħaddiema barranin fis-settur tal-kostruzzjoni u li jnaddfu fid-djar. 

Il-GWU temmen li liġijiet ġodda, spezzjonijiet u infurzar huma essenzjali, “iżda nibqgħu tal-opinjoni li jekk irridu neqirdu l-abbuż fil-postijiet tax-xogħol u aktar ħaddiema jidhlu fl-ekonomija formali, għandu jkun hemm sħubija fi trade union tal-għażla tiegħek. Hemm biss nemmnu li dawn l-abbuzi jinqatgħu u l-Covid-19 wera dan bl-aktar mod ċar”. 

Għala niċċelebraw dan il-jum?

L-avveniment tal-Jum Dinji għall-Ġustizzja Soċjali 2022, li se jittella’ b’mod virtwali, se jħares lejn kif aktar minn 60% tal-popolazzjoni f’impjieg, jiġifieri żewġ biljun nisa, irġiel u żgħażagħ jaqilgħu l-għixien tagħhom f’ekonomija informali. Il-pandemija tal-Covid-19 għamlet l-għixien ta’ dawn il-ħaddiema aktar diffiċli. 

F’dan ir-rigward Josef Bugeja qal li, “il-pandemija tefgħet l-attenzjoni fuq il-vulnerabbiltà ta’ dawn il-ħaddiema, peress li ħafna drabi ma jkollhom l-ebda protezzjoni soċjali jew benefiċċji relatati mal-impjieg. Dan iwassal biex jgħixu fil-faqar u ħafna drabi dan ix-xogħol ikun l-unika għażla li għandhom dawn il-ħaddiema. Dan iwassal għal sfurtament u abbuż”.

Il-ħaddiema informali huma f’riskju doppju li jkunu fqar meta kkomparati ma’ ħaddiema formali. Ħafna nies jidħlu f’ekonomija informali minħabba li m’għandhomx l-opportunitajiet li għandhom ħaddiema f’ekonomija formali. 

L-erba’ prinċipji tal-ġustizzja soċjali

Il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali huma erbgħa – id-drittijiet tal-bniedem, l-aċċess, il-parteċipazzjoni u l-ekwità. Mingħajrhom m’hemmx ġustizzja soċjali. 

Id-drittijiet tal-bniedem – Tul is-snin, ir-rabta li hemm bejn il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-bniedem, issaħħet. Meta soċjetà tkun ġusta, din tipproteġi u tirrispetta d-drittijet umani ta’ kulħadd. Din ir-rabta hija essenzjali għax id-drittijiet fundamentali tal-bniedem huma rikonoxxuti globalment. 

L-aċċess – Li persuna jkollha aċċess xieraq u reali għall-affarijiet essenzjali bħal saqaf fuq rasha, ikel u edukazzjoni huma kruċjali għal soċjetà ġusta. Jekk l-aċċess ikun limitat jew imċaħħad fuq fatturi bħalma huma l-ġeneru, ir-razza jew il-klassi, dan iwassal għal tbatija fuq l-individwi, il-komunitajiet u s-soċjetà b’mod ġenerali. L-attivisti għall-ġustizzja soċjali permezz tal-ħidma tagħhom jaraw li jżidu u jergħu jagħtu aċċess lil dawk li ċċaħdilhom bil-għan li kulħadd jingħata opportunitajiet indaqs għal għixien xieraq.

Il-parteċipazzjoni – Fil-każ tat-tielet prinċipju tal-parteċipazzjoni, il-ġustizzja soċjali ma tkunx possibbli jekk ma jinstemgħux xi vuċijiet. Sfortunatament dan jiġri ta’ spiss u l-vuċijiet tal-persuni emarġinati u vulnerabbli jissiktu. Il-parteċipazzjoni għandha tkun imħeġġa u ppremjata biex kulħadd, b’mod speċjali dawk li fl-imgħoddi ma kellhomx iċ-ċans, ikunu jistgħu jitkellmu.

L-ekwità – Ħafna nies jemmnu li l-ugwaljanza hija waħda mill-prinċipji tal-ġustizzja soċjali iżda fil-verità r-raba’ prinċipju hija l-ekwità. Id-differenza bejn iż-żewġ kelmiet hija li l-ekwità tinkludi l-effetti ta’ diskriminazzjoni u għandha l-għan għal riżultat ugwali. 

Il-ġustizzja soċjali hija importanti ħafna u din trid tissaħħaħ f’dawk il-pajjiżi li għandhom nuqqasijiet akbar u aktar ta’ spiss minn pajjiżi oħra. Fost l-aktar inġustizzji soċjali hemm id-diskriminazzjoni razzjali; l-inugwaljanza bejn is-sessi u n-nuqqas ta’ drittijiet lill-komunità LGBTQ+.

Il-ġustizzja soċjali vera tfisser li d-drittijiet ta’ kulħadd huma rrispettati u protetti u li kulħadd għandu l-istess opportunitajiet. Dan ma jiggarantixxix li soċjetà tkun perfetta u li kulħadd se jkun kuntent iżda, almenu, kulħadd għandu ċ-ċans li jaħdem għall-ħajja li jixtieq jgħix mingħajr ma jsofri diskriminazzjoni. 

Ekonomija

Sport