L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball organizzat kors ta’ taħriġ fil-Handball għall-Kindergarten bejn it-28 u d-29 ta’ Marzu li għadda. Dan il-kors huwa parti mill-impenn kontinwu tal-Assoċjazzjoni lejn l-iżvilupp fil-livell bażiku u l-edukazzjoni tal-kowċis, u tmexxa minn Carlos Prieto, wieħed mill-aktar figuri rispettati fl-Ewropa fil-qasam tal-handball ta’ livell għoli u fl-iżvilupp taż-żgħażagħ.
Prieto, li qabel kellu karriera sportiva eċċezzjonali li tinkludi tliet titli tal-EHF Champions League u midalja tal-bronż fl-Olimpjadi tal-2008, għadda għall-qasam tal-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal wara li temm il-karriera tiegħu bħala plejer. Huwa waqqaf il-programm Share and Play, li juża l-isport bħala mezz għall-iżvilupp personali, xogħol f’tim u stili ta’ ħajja b’saħħithom. Barra minn hekk, huwa waqqaf organizzazzjoni mhux governattiva Athletes Inspire Children, li permezz tagħha jmexxi proġetti appoġġjati mill-Kummissjoni Ewropea ffokati fuq l-inklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni fiżika.
F’intervista li kellu ma’ dan is-sit, Prieto qalli kemm huwa sodisfatt li l-ewwel esperjenza tiegħu f’Malta kienet pożittiva. “Il-persuni kollha li sibt hawn huma tajbin fil-qasam tagħhom, il-grupp huwa motivat u jien nistenna ħafna minnhom. Kull sessjoni hija opportunità biex inħarreġ il-ħiliet tat-tfal u biex nibnu ambjent ta’ tagħlim sigur u divertenti,” spjega.
Prieto enfasizza l-importanza li tifel jew tifla jibda jew tibda l-handball minn età żgħira. “Meta tibda minn eta żgħira, tifhem l-isport kif għandu jkun, mhux biss kif twettaq moviment, imma kif tifhem l-isport, il-logħba u r-relazzjonijiet bejn il-plejers. Meta xi ħaġa tibda sa mill-bidu tat-tfulija tiegħek, l-isport jidħol aktar u mingħajr ma trid issir professjonali f’dak li tagħmel la tikber.
Carlos Prieto tkellem dwar il-karriera tiegħu bħala plejer. Huwa beda jilgħab handball fl-eta ta’ 16-il sena, waqt li kien ukoll involut fl-għawm u t-tennis. “Kelli esperjenza kbira f’Barcelona, fejn kont nitħarreġ kuljum b’mod intensiv. Dan biddilli mill-ħsibijiet ta’ passatemp għall-perspettiva professjonali. Mhux dwar kif twettaq, iżda dwar kif tifhem l-isport u l-importanza tal-ħidma kontinwa. Kull atleta għandu mentalità speċjali: trid tkun attiv, dejjem titħarreġ u tifhem ir-rwol tiegħek bħala plejer.”
Prieto spjega li lagħab ma’ diversi klabbs fl-Ewropa fosthom Spanja, Ġermanja, Danimarka u l-Iżvizzera, u li dawn l-esperjenzi kulturali wrewh mod differenti kif wieħed jara dan l-isport u l-edukazzjoni. “Meta tilgħab f’pajjiżi differenti, tagħraf li l-isport mhuwiex biss kompetizzjoni. Tgħallimt ħafna mill-kowċis, kif jgħallmu u kif iħaddmu l-attivitajiet, u dawn l-esperjenzi qed nagħmilhom parti mill-prattika tiegħi bħala kowċ u mentor.”
Fid-diskussjoni dwar il-handball bħala sport għaż-żgħażagħ, Prieto enfasizza l-benefiċċji differenti li għandu dan l-isport. “Il-handball huwa wieħed mill-aqwa sports li tista’ tipprova. Huwa jikkontribwixxi għall-iżvilupp konjittiv tat-tfal, billi kull azzjoni hija differenti u veloċi. Ir-rwol ta’ kull plejer huwa dinamiku; trid tkun attent f’kull mument u tifhem kif tbiddel il-pożizzjoni tiegħek. Huwa sport ta’ kuntatt, aktar intensiv mill-basketball u volleyball, li jgħin lit-tfal jiżviluppaw kemm fiżiċi kif ukoll mentali.”
Prieto saħaq li t-tfal mhux biss għandhom jitħarrġu biex jirbħu logħbiet, iżda biex jiksbu valuri importanti bħad-dixxiplina, ir-rispett u l-kooperazzjoni. “Meta tibni dawn il-valuri sa mill-bidu, t-tfal għandhom bażi soda biex ikomplu jikbru mhux biss bħala plejers iżda wkoll bħala persuni responsabbli. Huwa dak li jagħmel l-isport differenti u tant importanti fil-ħajja.”
Dan il-kors f’Malta huwa parti mill-istrateġija tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball għall-iżvilupp fil-livell bażiku, taħt l-EHF Masterplan u l-Grassroots Charter. Huwa jsaħħaħ il-viżjoni tal-Assoċjazzjoni biex jintroduċu l-handball minn età żgħira permezz ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja, u jikkontribwixxi biex il-kowċis u l-klabbs lokali jibbenefikaw mill-aħjar prattiki Ewropej.
Fil-konklużjoni, Prieto qal: “Meta taħdem fl-edukazzjoni tal-isport u fil-handball, dejjem tħoss responsabbiltà kbira. Int ma tgħallimx biss it-tfal kif jilagħbu, imma kif jipparteċipaw, kif jirrispettaw ir-regoli u kif jibnu l-karattru tagħhom. Malta qed tagħmel pass kbir fl-iżvilupp tal-handball, u jien kburi li nkun parti minn dan il-proġett.
”Matul il-kors, Prieto juża metodi interattivi li jħeġġu t-tfal u l-kowċis biex jieħdu sehem b’mod attiv f’kull sessjoni. Huwa jemmen li t-tagħlim permezz tal-logħob huwa l-aħjar mod biex it-tfal jiksbu fehim profond tal-logħba u tal-movimenti tekniċi. L-attivitajiet huma strutturati biex jinkoraġġixxu ħiliet differenti fl-istess ħin, mill-koordinazzjoni u l-bilanċ, sal-abilità li jieħdu deċiżjonijiet malajr f’sitwazzjonijiet ta’ kompetizzjoni.
Prieto jimplimenta simulazzjonijiet u logħob ta’ xenarji reali, fejn it-tfal u l-kowċis jistgħu jesperimentaw b’mod sigur u kreattiv, kif ukoll jitgħallmu kif jaħdmu bħala tim u kif jirrispettaw ir-regoli. Huwa jemmen li dan il-metodu jagħti mhux biss ħiliet sportivi, iżda wkoll valuri edukattivi bħal dixxiplina, responsabilità u komunikazzjoni effettiva. Barra minn hekk, Prieto jħeġġeġ lill-parteċipanti biex jaqsmu esperjenzi u ideat, u dan joħloq ambjent ta’ tagħlim kollaborattiv fejn kulħadd jista’ jitgħallem minn xulxin.
Skontu, meta t-tagħlim ikun pjaċevoli u interattiv, it-tfal ikunu motivati biex jipparteċipaw, u l-kowċis ikunu kapaċi jirċievu strumenti prattiċi biex japplikaw fil-klabbs tagħhom stess.
B’viżjoni ċara, esperjenza rikka u dedikazzjoni, Carlos Prieto kellu ċ-ċans jagħti opportunità unika lill-komunità Maltija tal-handball biex titgħallem mill-aħjar fil-livell bażiku u biex tinħoloq ġenerazzjoni ġdida ta’ plejers motivati, ħerqana u edukati sew.

