Wednesday, November 12, 2025

‘Id-dixxiplina u d-determinazzjoni fl-atletika huma ċ-ċavetta għas-suċċess’ – Ritianne Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Minn età żgħira kelli mħabba kbira lejn l-isport, speċjalment l-atletika. Bdejt minn żmien l-iskola fejn kont nieħu sehem f’tiġrijiet ta’ distanzi qosra u sa madwar l-età ta’ tnax-il sena bqajt nipprattika dawn d-distanzi. Wara waqfien ta’ ftit snien, erġajt irritornajt fl-isport din id-darba f’distanzi itwal, fejn ilni nipprattika dawn id-distanzi għal dawn l-aħħar ħames snin.

X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Fiż-żmien li ilni nipprattika dan l-isport, kelli diversi suċċessi fejn ikklassifikajt mal-ewwel ħames nisa f’diversi tlielaq. Madankollu, l-ikbar suċċess tiegħi s’issa kien ir-rebħa fit-tellieqa La Salle 5K fejn irnexxieli ntejjeb il-ħin personali tiegħi b’90 sekonda.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

F’dawn l-aħħar snin il-livell f’distanzi twal qiegħed dejjem jitjieb. Dan qed jagħmel din id-dixxiplina aktar kredibbli f’pajjiżna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Għalkemm kien hemm diversi titjib fit-trakka prinċipali tal-Marsa, il-fatt li din il-faċilità mhix aċċessibbli l-ħin kollu jwassal biex ħafna mit-taħriġ xorta jkollu jsir fit-toroq.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Il-ħolma tiegħi minn ċkuniti kienet li xi darba niġri maratona. Filwaqt li nkompli naħdem biex intejjeb il-ħinijiet li għandi bħalissa fid-distanzi tal-5 km u tal-10 km, flimkien mal-kowċ tiegħi Mark Herrera qed naħdem ukoll biex eventwalment inwettaq ix-xewqa li niġri maratona fiż-żmien li ġej.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Id-dixxiplina u d-determinazzjoni fl-atletika huma ċ-ċavetta għas-suċċess!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport