Monday, June 23, 2025

‘Id-dixxiplina u l-perseveranza huma ċ-ċwievet għas-suċċess’ – Juan Cruz Gill

Aqra wkoll

Minn Cristian Mucsat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn kemm nista’ niftakar, dejjem kien hemm ballun id-dar. Kont nilgħab fit-toroq il-ġurnata kollha mal-ħbieb. Imbagħad, kont nilgħab fi klabbs fil-belt tiegħi sakemm scout lemħni u ħadni Talleres de Córdoba. Lgħabt fis-sistema taż-żgħażagħ tal-klabb għal erba’ snin sakemm għamilt id-debutt tiegħi fis-SuperLiga kontra River Plate. Dak kien meta bdiet il-karriera professjonali tiegħi (2004).

Kif ġejt tilgħab f’Malta?

F’Ġunju tal-2015, intemm il-kuntratt tiegħi fiċ-Ċilì, u rċevejt offerta biex ningħaqad ma’ Valletta FC. Ma ħsibthiex darbtejn. Kelli 31 sena, u kien ċans biex nerġa’ lura lejn l-Ewropa (qabel kont lgħabt f’Ċipru). Kien hemm proġett tajjeb ma’ Paul Zammit bħala kowċ, u jien grat għall-fiduċja tagħhom fija.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Valletta FC kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ.

Kelli erba’ snin mill-isbaħ bħala plejer. Irbaħt żewġ titli tal-kampjonat u FA Trophy. Kont plejer importanti ħafna f’dawk il-kisbiet.

Imbagħad, wara li rtirajt, l-ewwel esperjenza tiegħi kienet bħala l-kowċ assistent ta’ Pablo Doffo f’Marsaxlokk FC (li kienet ta’ suċċess kbir, u wasalna sal-finali tal-FA Trophy). Sfortunatament, wara xogħol mill-aqwa mmexxi minn Pablo, ma komplejniex f’dan ir-rwol.

Wara dak l-istaġun, Valletta sejħuli biex ningħaqad fl-istaff tekniku u kienet sena diffiċli ħafna. Żewġ kowċis għaddew mill-istaġun, iżda r-riżultati ma kinux mistennija.

Erba’ timijiet kienu se jiġu relegati minħabba l-format il-ġdid tal-kampjonat u t-tim fl-aħħar kien f’sitwazzjoni delikata ħafna. Il-kowċ irriżenja, u jien ħadt f’idejk il-kariga ta’ kowċ interim fi żmien diffiċli ħafna.

L-aħħar logħbiet raw titjib fit-tim. Saħħaħt u tajt debutt lil ħafna plejers żgħażagħ.

Sfortunatament, ma stajniex inżommu l-istatus tagħna fil-Premier, imma ġġilidna sal-aħħar.

Issa l-klabb huwa ħafna aktar organizzat u jien kuntent ħafna għax meta l-affarijiet isiru tajjeb, naħseb li jistgħu jiġu r-riżultati.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Assistant Coach tal-klabbs ewlenin: Alianza Lima (Perù) u Newell’s Old Boys (Arġentina).

F’Malta, fil-Perù, jew fl-Arġentina, ħdimt bl-istess mod. Nagħti l-massimu tiegħi bħala professjonist u bħala bniedem.

Ma’ Alianza u Newell’s, kont assistant coach mat-tim tal-kbar, bi rwoli fil-grawnd (sessjonijiet ta’ taħriġ u xogħol tattiku difensiv) u wkoll nanalizza l-avversarji u anke l-logħbiet tagħna.

Kelli l-privileġġ li nikkowċja plejers ewlenin bħal Paolo Guerrero, Keylor Navas, Ever Banega u ħafna oħrajn li huma plejers magħrufa ħafna fl-Amerika t’Isfel.

Kemm hu differenti l-livell tal-futbol fl-Arġentina minn dak f’Malta?

Id-differenza hija kbira. Minn meta tkun tifel, l-akkademji jgħallmuk ħafna affarijiet tattiċi biex tifhem il-logħba u għalhekk meta tasal fl-ewwel tim ikun aktar faċli li tadatta. F’Malta l-plejers fl-ewwel tim ikunu għadhom qed jitgħallmu kunċetti bażiċi.

Ukoll, il-kompetizzjoni li teżisti bejn it-tfal biex isiru plejer professjonali hija tassew iebsa.

Huwa diffiċli ħafna jekk ma jkollokx perseveranza u dixxiplina, flimkien mal-ħiliet tiegħek. Il-ħiliet tal-futbol waħedhom żgur mhux se jagħmluk professjonist!!! Huwa għalhekk il-mentalità li teżisti f’pajjiżi bħall-Arġentina.

U dak tar-riżorsi fejn tilagħbu l-futbol tagħkom?

L-għadd ta’ riżorsi umani disponibbli, u l-infrastruttura materjali hija ħafna akbar sabiex tkun tista’ taħdem sew b’aktar għodda.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Għad narawk f’Malta mill-ġdid?

Tlaqt minn Malta biex inkompli nikseb esperjenza u għarfien fil-futbol.

Illum jien liberu u qed nistenna biex nara x’jiġri. Jekk jitfaċċa proġett serju, żgur nikkunsidra li nerġa’ lura. Jien u l-familja tiegħi nħobbu lil Malta għax tatna mumenti mill-isbaħ. Żgur li f’xi mument nerġa’ lura.

Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jibdew karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Għandek temmen fik innifsek imma kif semmejt qabel, għalija, id-dixxiplina u l-perseveranza huma ċ-ċwievet għas-suċċess.

Għandek ukoll tara kif tiekol, kif tistrieħ u kif titħarreġ. Hija tellieqa twila mimlija ostakli u kuljum trid tagħti kollox biex tilħaq il-miri tiegħek.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport