Wednesday, December 3, 2025

Id-diżabilità m’għandhiex tfisser xkiel

Aqra wkoll

Illum qed jiġi mfakkar internazzjonalment il-jum iddedikat lill-persuni b’diżabilità. Għalkemm huwa tajjeb li jiġi ċċelebrat dan il-jum però l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni huma kuljum u mhux darba fis-sena. 

Bħala poplu, aħna magħrufin għall-ġenerożità tagħna ma’ dawk inqas ixxurtjati, anke f’dan il-qasam. Tant li f’pajjiżna għandna numru ta’ organizzazzjonijiet illi qed jagħtu sostenn f’dan ir-rigward fosthom id-Dar tal-Providenza u l-Fondazzjoni Nazareth. 

Għalhekk il-poplu Malti għandu jgħin aktar b’kull mod partikolarment b’mod finanzjarju biex dawn l-għaqdiet ikunu jistgħu jkomplu għaddejjin bil-ħidma tagħhom b’risq il-persuni b’diżabiltà.

Ma’ dawn hemm ukoll l-inizjattivi kontinwi tal-Gvern biex jassisti b’kull mod lil dawn il-persuni sabiex ikollhom ħajja aktar indipendenti u li tagħtihom aċċess għall-opportunitajiet li jinfetħu għalihom daqs kull persuna oħra. 

Il-miżuri li qed jittieħdu fil-qasam tad-diżabilità jidher li qed iħallu l-frott tant li sa Mejju li għadda kien hemm 4,215 persuni b’diżabilità jaħdmu full-time u 453 oħra li jaħdmu fuq bażi part time. Dan kien imħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea.

Jiġifieri hawnhekk ukoll wieħed jista’ jitkellem dwar l-opportunitajiet ta’ mpjieg għal dawn il-persuni li permezz tagħhom qed jintegraw aktar fis-soċjetà. Irridu nsemmu iżda li mhux dejjem il-ħajja għal dawn il-persuni kienet faċli. Tant li kien hemm żminijiet fejn dawn ma kellhom ebda drittijiet. Mhux l-istess jista’ jingħad għal-lum li qed isiru sforzi kbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jipparteċipaw aktar fid-diversi setturi tal-komunità, kemm ekonomiċi u anke soċjali.

Huwa tajjeb għalhekk li kulħadd jagħraf li minkejja d-diżabiltà li jġorru dawn il-persuni, dawn għandhom kapaċitajiet oħra. Xhieda li dawn m’għandhom xejn inqas minn ħaddieħor. 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport