“Id-djalogu bejn il-Membri Parlamentari Ewropej u l-imsieħba soċjali huwa importanti biex jittieħdu deċiżjonijiet fil-Parlament Ewropew favur il-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, flimkien mal-Membri Parlamentari Ewropej eletti f’isem pajjiżna, fl-elezzjoni tax-xahar li għadda.
F’din il-laqgħa, li preżenti għaliha kien hemm ukoll il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Carauana, ġew diskussi temi importanti fosthom dawk soċjali, ekonomiċi u ambjentali, u li fuqhom għandhom jiffokaw fil-ħidma tagħhom il-Membri Parlamentari Ewropew eletti fil-ħames snin li ġejjin.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul ħeġġeġ lill-Membri Parlamentari Ewropej biex ikunu proattivi f’dan id-djalogu u biex iwasslu l-vuċi ta’ pajjiżna, bħala l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea. B’dan jiżgura li l-interessi ta’ pajjiżna jkunu rappreżentati b’mod effettiv f’din l-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Huwa sostna li din il-kollaborazzjoni għandha twassal għal soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli, li mhux biss jindirizzaw l-isfidi preżenti, iżda joħolqu opportunitajiet ġodda għall-futur. “B’kollaborazzjoni msaħħa nistgħu nġibu politika li tassew tagħmel differenza u li tibbenefika liċ-ċittadini kollha,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul.
F’din il-laqgħa, il-Membri Parlamentari Ewropej Daniel Attard u Peter Agius spjegaw li bħalissa qed jiġu ffurmati l-kumitati parlamentari fil-Parlament Ewropew, li fihom iwasslu l-interessi ta’ pajjiżna. Huma tennew fuq l-importanza li l-MCESD jiġi infurmat bil-punti ewlenin sabiex dan il-kunsill ikun jista’ jinkludihom fid-diskussjonijiet tiegħu u jagħti r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa.
Min-naħa tagħhom, l-imsieħba soċjali preżenti f’din il-laqgħa sostnew l-importanza tad-djalogu soċjali bejn iż-żewġ partijiet, biex tiġi żgurata ħidma b’risq il-familji Maltin u Għawdxin.
Id-djalogu soċjali huwa ċ-ċavetta biex jittieħdu deċiżjonijiet favur pajjiżna
– laqgħa tal-MCESD mal-Membri Parlamentari Ewropej eletti