Monday, November 4, 2024

Id-Djoċesi ta’ Għawdex b’donazzjoni ta’ €30,000 lill-Ukrajna

Aqra wkoll

F’dawn il-jiem tal-Milied, id-Djoċesi ta’ Għawdex, permezz tal-Caritas, għaddiet is-somma ta’ €30,000 lill-Karità tal-Papa biex jinxtraw ħwejjeġ sħan għall-popolazzjoni tal-Ukrajna, li qed issofri l-bard qalil tax-xitwa u diffikultajiet oħra minħabba l-gwerra. Dawn il-flus inġabru mill-parroċċi u l-knejjes tagħna din is-sena.

Il-poplu Ukren qed jgħix stat ta’ emerġenza li, barra l-fattur tal-gwerra, hu dovut ukoll lin-nuqqas ta’ kurrent elettriku, ta’ gass, u lill-kesħa qawwija ħafna tax-xitwa. L-Elemożinerija Appostolika qed tibgħat ħwejjeġ protettivi għall-insulazzjoni termali, adattati biex iżommu t-temperatura tal-ġisem sħuna.

Minbarra din l-għotja lill-Karità tal-Papa, il-Caritas djoċesana qed tgħin xi familji mill-Ukrajna li jinsabu refuġjati f’Għawdex.

Il-Caritas tirringrazzja lil tant benefatturi għall-ġenerożità tagħhom kull meta jsir appell għall-għajnuna u tawgura Milied qaddis lil kull min jinsab Għawdex f’dawn il-jiem.

Sport