Il-Gvern qiegħed iħejji biex ikompli jsaħħaħ u jkabbar l-ekonomija ta’ Malta billi jżomm stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u kontroll fuq id-dejn pubbliku, filwaqt li joffri appoġġ dirett lil min għandu l-aktar bżonn. Din il-politika ta’ bilanċ bejn responsabbiltà fiskali u ġustizzja soċjali diġà tat frott fis-snin li għaddew u qegħdin nerġgħu narawha fid-Dokument ta’ qabel il-Budget 2026.
Fil-fatt, il-Budget 2026 m’għandniex inħarsu lejh f’kuntest waħdu imma, bħala kontinwazzjoni fejn ħalla ta’ qablu u riflessjoni ta’ Budgets li ilna naraw taħt Gvern Laburista. Filwaqt li l-Gvern jirrikonoxxi l-isfidi li dejjem kellu b’mod partikolari l-Covid-19 u l-gwerer, baqa’ jżomm ir-ruħ soċjali u ma jgħakkisx lill-vulnerabbli u lill-familji biex jagħmel tajjeb għal dak li qiegħed jiġri madwaru.
Għaldaqstant, hekk kif qegħdin nersqu lejn il-Budget 2026, reġa’ ġie kkonfermat li n-nies jibqgħu fiċ-ċentru tal-istrateġija ekonomika. Il-miżuri ta’ sostenn u stabbiltà msemmija fid-Dokument ta’ qabel il-Budget huma essenzjali mhux biss biex jilqgħu għal dawn l-isfidi, iżda wkoll biex juru d-direzzjoni ċara li l-Gvern irid jieħu.
Appoġġ Soċjali: Għajnuna diretta lill-familji u l-vulnerabbli
Il-Gvern diġà wiegħed li l-Budget 2026 ma jinkludix żieda fit-taxxi. Dan ifisser li, minkejja l-pressjonijiet tal-inflazzjoni, il-familji u n-negozji jistgħu jserrħu moħħhom li l-piżijiet fuqhom mhux se jiżdiedu.
Id-dokument jenfasizza miżuri għal persuni bi dħul baxx – fosthom il-pensjonanti, il-ġenituri single u dawk li jġarrbu spejjeż għoljin għall-għixien. Barra minnhekk ġie kkonfermat li s-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwils se jibqgħu fis-seħħ, miżura li waħedha tfisser li eluf ta’ familji se jkomplu jiffrankaw mijiet ta’ ewro fis-sena.
Il-COLA se tirrifletti b’mod aktar realistiku l-inflazzjoni biex verament tkopri ż-żieda fil-prezzijiet tal-ħajja. Hemm ukoll proposti ta’ titjib fil-benefiċċji soċjali u reġa’ ssemma’ l-“Pjan Soċjali għall-Familja 2025-2030”, li jpoġġi l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja fil-qalba tal-politika. Dan huwa sinjal ċar li l-investiment fil-bniedem u fil-komunità jibqa’ prijorità.
Impjiegi u Kompetittività…
Ippjanar għall-ekonomija tal-lum u tal-ġejjieni
Il-fatti jitkellmu waħedhom: fl-ewwel kwart tal-2025 ir-rata ta’ impjieg f’Malta laħqet 84.1% filwaqt li l-qgħad niżel għal 2.5% – l-inqas fl-UE. Dan jirrifletti mhux biss tkabbir ekonomiku iżda wkoll suċċess ta’ politika attiva favur ix-xogħol.
Fid-Dokument ta’ qabel il-Budget 2026 il-Gvern juri r-rieda tiegħu li jindirizza b’saħħa l-isfida tal-“skills gap” permezz ta’ taħriġ, upskilling u riformi fil-politika ta’ migrazzjoni tax-xogħol. Żgħażagħ u ħaddiema se jkollhom aktar opportunitajiet ta’ taħriġ f’oqsma strateġiċi bħall-Intelliġenza Artifiċjali, id-diġitalizzazzjoni, l-enerġija nadifa u s-servizzi finanzjarji.
Il-proposti dwar aktar trasparenza fil-ġestjoni tal-ħaddiema barranin għandhom iħallu impatt pożittiv: negozji jsibu ħaddiema kwalifikati fejn hemm bżonn reali, filwaqt li jonqos ir-riskju ta’ sfruttament u kompetizzjoni inġusta. Dan se jsaħħaħ il-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija tagħna.
Fokus fuq in-nies, mhux biss fuq iċ-ċifri
Id-Dokument ta’ qabel il-Budget 2026 jasal f’mument fejn Malta tibqa’ fost il-pajjiżi bl-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Iżda l-Gvern qiegħed juri li l-politika tiegħu mhiex biss dwar iċ-ċifri, iżda dwar il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Jibqa’ l-bżonn li jittieħdu passi fit-tul dwar sfidi bħar-rata baxxa ta’ twelid, il-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi u l-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema f’setturi STEM u teknoloġiċi. Minkejja dan, id-dokument juri li l-Gvern lest jiddiskuti b’mod serju mal-imsieħba soċjali u mal-pubbliku biex jippjana mhux biss għal-lum, iżda għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Finalment, il-miżuri proposti fid-Dokument ta’ qabel il-Budget 2026 juru bilanċ ċar bejn responsabbiltà fiskali u impenn soċjali. Huwa Budget li jagħti prijorità lill-familji, lill-ħaddiema u lill-vulnerabbli, filwaqt li jsaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija Maltija.
Il-politika tal-Gvern mhiex biss dwar il-figuri, iżda dwar il-valuri ta’ ġustizzja u solidarjetà soċjali. Dan mhuwiex biss Budget tal-finanzi, imma Budget tal-familji Maltin u Għawdxin.