Sunday, January 18, 2026

Id-domanda domestika se tibqa’ l-magna ewlenija tat-tkabbir 

- il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Ian Borg

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg f’kumment lil IT-TORĊA dal li “hu previst mill-Bank Ċentrali Ewropew li titjib fid-domanda barranija, flimkien ma’ tnaqqis fl-inċertezza dwar il-politika kummerċjali, se jgħin l-esportazzjonijiet matul l-2026, minkejja l-effetti li gradwalment qed ikollhom dazji ogħla. Madankollu, il-pass tat-tkabbir globali se jibqa’ dgħajjef meta mqabbel mal-medji ta’ qabel il-COVID. Il-kummerċ globali barra ż-żona ewro huwa mistenni jikber b’2.0 fil-mija fis-sena 2026, meta mqabbel ma’ 4.4 fil-mija fl-2025, filwaqt li d-domanda esterna għall-prodotti u s-servizzi taż-żona ewro hija mbassra li tiżdied b’1.9 fil-mija, tnaqqis minn 3.8 fil-mija fl-2025.”

Hu qalilna li “fdan l-isfond, il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed ibassar li l-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi Maltin tikber b’3.9 fil-mija fl-2026 (meta mqabbla ma’ 4.7 fil-mija fl-2025). It-tkabbir tas-servizzi huwa mistenni jonqos, għalkemm xorta waħda se jibqa’ aktar mgħaġġel mit-tkabbir fid-domanda globali. Min-naħa l-oħra, l-esportazzjonijiet tal-merkanzija, li naqsu fl-2025, huma mbassra li jirkupraw fl-2026, imsaħħa mill-irkupru mistenni fid-domanda esterna. Bl-istess mod, il-pass tat-tkabbir tal-importazzjonijiet huwa mistenni jonqos għal 4.1 fil-mija fl-2026 minn 5.5 fil-mija fl-2025. Il-bilanċ tal-pagamenti fuq il-kont kurrenti huwa mistenni jibqa’ relattivament stabbli.”

Qal ukoll li  “l-esportazzjoni netta ta’ prodotti u servizzi hija mistennija li żżid mat-tkabbir tal-ekonomija (GDP), prinċipalment bħala riżultat ta’ esportazzjonijiet ogħla tas-servizzi. Filwaqt li d-domanda domestika se tibqa’ l-magna ewlenija tat-tkabbir, ir-rwol kostanti fl-esportazzjoni jsaħħah is-sisien tal-ekonomija u jikkumplimenta l-attivita ekonomika interna. Fix-xogħol tagħħa, TradeMalta, l-entità b’sehem konġunt mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u l-Kamra tal-Kummerċ, se tkompli tagħti prijorità lil setturi tas-servizzi b’potenzjal għoli u b’prospetti qawwija għall-internazzjonalizzazzjoni, filwaqt li tibqa’ impenjata bis-sħiħ biex tassisti l-bażi tal-klijenti tagħha.”

Qalilna li “permezz tal-ħidma diplomatika tagħha lilhinn minn xtutna, Malta ser tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjonijiet bilaterali, mhux biss ma stati fil-qrib, fl-Ewropa u l-Mediterran, iżda wkoll dawk aktar imbiegħda, sabiex iżżid l-opportunitajiet ekonomiċi għal negozji Maltin f’dawn il-pajjiżi. Dawn ir-relazzjonijiet bilaterali qed ikomplu jissaħħu bit-tfassil ta’ politiki reġjonali, li fost oħrajn, jiggwidaw lill-pajjiż lejn opportunitajiet kummerċjali u ekonomiċi ġodda. Filwaqt li f’Diċembru 2025 Malta nediet il-politika reġjonali tagħha għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Golf, din is-sena se jsir sforz simili għar-reġjuni tal-Afrika Sub Saħarjana, kif ukoll għall-pajjiżi fl-Asja u l-Oċeanja.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport