Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona spjega li t-temp estrem ta’ dawn l-aħħar jiem, mhux biss żied id-domanda għall-elettriku iżda kkawża pressjoni fuq in-network tal-cables minħabba t-temperaturi għoljin fuq il-wiċċ tat-toroq, bis-sħana tilħaq ukoll il-cables ta’ taħt l-art. L-Erbgħa li għadda, id-domanda għall-elettriku għall-ewwel darba fl-istorja tal-Enemalta qabżet is-600MW. L-Enemalta għandha għad-dispożizzjoni tagħha kapaċita ‘l fuq minn 800 MW.
Waqt briefing tekniku ġie spjegat li madwar 40 inġiniera u tekniċi tal-Enemalta flimkien ma’ ħaddiema tal-kuntrattur matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis komplew bix-xogħlijiet t’emerġenza biex jissewwew ħsarat li żviluppaw f’diversi partijiet tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li wasslu għal qtugħ fil-provvista tal-elettriku f’diversi żoni.
Dan kien it-tielet lejl infila mill-aktar impenjattiv għall-Enemalta li mmobilizzat ir-riżorsi tekniċi tagħha biex kemm jista’ jkun tnaqqas il-ħin tal-interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku għall-klijenti. F’diversi każi, l-provvista tingħata lura f’ħin qasir kull fejn ikun possibbli li l-provvista tiġi restawrata b’cables alternattivi. Ġew irreġistrati seba’ ħsarat matul il-lejl f’żoni differenti. Ħafna mill-ħsarat żviluppaw fil-cables ta’ taħt tal-art li jirrikjedu t-tħaffir tat-trinka fejn ikun indikat li żviluppat il-ħsara fil-cable.
Il-qtugħ fil-provvista tad-dawl mhuwiex dovut għan-nuqqas ta’ provvista iżda għal fatturi oħra fis-sistema tad-distribuzzjoni li ma jistgħux jiġu antiċipati. Dawn jinkludu estremitajiet tat-temp bħal m’huma l-mewġiet ta’ sħana għal numru twil ta’ ġranet.
L-Enemalta tenniet l-impenn tagħha li tkompli bil-proġett biex isaħħaħ is-sistema kumplessa tad-distribuzzjoni biex dejjem tnaqqas l-ħsarat fil-provvista tal-elettriku u l-inkonvenjent li dawn joħolqu għal klijenti tagħna