Saturday, November 16, 2024

Id-donazzjonijiet minn dawk li jixtru ċittadinanza se jogħlew minn €5 miljuni għal €15-il miljun

Aqra wkoll

Minn VICTOR VELLA

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Kommunitajiet Alex Muscat qal li ma nistgħux ninjoraw il-benefiċċji li ħalla l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Spjega li “l-gvern mhux se jgħaddas rasu fir-ramel u se jindirizza tħassib li kien tqajjem. Il-benefiċċji għal pajjiżna minn għoti ta’ ċittadinanza b’investiment hi sostanzjali fosthom €50 miljun għal proġetti ta’ housing, €950,000 f’investiment fil-kardjoloġija, l-għotjiet ta’ €5 miljuni lil Puttinu Cares għal appartamenti f’Londra. Dawn huma ftit mill-eżempji ta kif dan l-investiment għen lil pajjiżna”, sostna Alex Muscat. 

Hu qal dan waqt id-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija

“Il-programm ta’ bħalissa hu intiż għal 1,800 applikant. Dan issa intemm u se jinbeda wieħed ġdid. Qabel infasslu programm ġdid ridna naraw l-opinjoni pubblika ukoll.  Għamilna stħarriġ u 62.7 fil-mija qablu mal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.   Ir-riforma li qed nimplimentaw tista’ titqies bħala katalista. Hemm pajjiżi oħra Ewropej li għandhom inizjattivi simili.”

Tenna li “x’se tkun id-differenza?  Se ntemmu l-programm u se ntemmu l-aġenzija li tieħu ħsiebu. Se nistabbilixxu aġenzija ġdida li tieħu ħsieb il-mod kollha li jwasslu għal dan. Illum għandek aġenzija unikament responsabbli għaċ-ċittadinanza f’investiemnt u din se tiġi xolta u flok titwaqqaf oħra. Malta se jkollha, erba’ possibilitajiet ta’ residenza. Tnejn se jwasslu għal residenza permanenti.  Dawk li jagħmlu investiment sostanzjali, dawn jistgħu japplikaw wara tlett snin għal ċittadinanza.  Investiment u xiri ta’ proprjetà jista’ jwassal għal residenza permanenti.  Servizzi eċċezzjonali fi sports, xjenża jew oqsma kulturali jista’ jwassal għal residenza temporanja  u wara jista’ jkun kunsidrat residenza permanenti. Il-valutazzjoni tal-eleġibbilità se ssir qabel wieħed japplika.  Din se ssir minn aġenzija ġdida u għalhekk f’dan il-pass il-ġdid, l-applikanti se jiġu skrutinizzati minn lenti ta’ sanzjonijiet internazzjonali u bi kriterji tal-Interpol u l-Europol. Se jkun hemm skrutinju dwar l-oriġini tal-finanzi ta’ dawk li japplikaw. Se jkun qed jiġi analizzat kif inħoloq il-ġid li huma se jkunu qed jiddikjaraw u dan b’konformità sħiħa mal-liġijiet marbutin mal-ħasil ta’ flus.”

Tenna li “n-numru ta’ applikanti se jkun ta’ 400 fis-sena. Dan se jkun qed isir biex ikun hemm kwalità.  Il-valur tal-proprjetà se tiżdied minn €350,000 għal €700,000. Fejn jirrigwarda id-donazzjonijiet filantropiċi, issa dawn l-istess donazzjonijiet se jkunu mandatorji u ma tistax tkun inqas minn €10,000. Dan ifisser li l-għaqdiet mhux governattivi se jgawdi minn xejn inqas minn €15-il miljun”.

Ekonomija

Sport