Wednesday, April 24, 2024

ID-DOWN’S SYNDROME … MHUX EMPATIJA IŻDA INKLUŻJONI

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Marzu jġib miegħu żewġ avvenimenti importanti: festa fl-aħħar tax-xahar li tfisser ħafna għal pajjiżna kif ukoll ġurnata oħra separata li hija l-Jum Dinji li fih titfakkar il-kundizzjoni tad-Down’s Syndrome. 

Illum, il-21 ta’ Marzu, hija l-ġurnata ddedikata għall-persuni b’din il-kundizzjoni sabiex bħala soċjetà nieħdu l-opportunità li nkomplu nqajmu iżjed għarfien fost il-pubbliku dwar il-kundizzjoni tad-Down’s. F’soċjetajiet li huma ddominati mit-teknoloġija u l-midja soċjali, inkluż Malta, jum bħal dan ikun miżgħud minn bosta messaġġi flimkien ma’ ritratt b’kalzetti li “ma jkunux jaqblu”; fis-sens li kalzetta minnhom ikollha kulur differenti mill-oħra. Dan isir bħala simbolu tad-diversità u l-inklużjoni: għalkemm żewġ kalzetti għandhom ilwien differenti, xorta jistgħu jintlibsu flimkien, l-istess bħalma persuni b’abbiltajiet differenti jistgħu jgħixu flimkien u jikkontribwixxu b’modi differenti fis-soċjetà.

L-inizjattiva li wieħed jilbes kalzetta mhux bħall-oħra bdiet fl-2013 bit-tema “Wearing Odd Socks’’ li l-għan prinċipali tagħha kien li jitqajjem għarfien dwar il-kundizzjoni tad-Down’s. Maż-żmien, it-tema nbidlet u ssemmiet “Lots of Socks’’. L-idea li l-kalzetti jintużaw bħala logo nħolqot minħabba l-fatt li persuni bid-Down’s Syndrome jkollhom 47 kromożoma minflok 46, li jkunu maqsuma fi 23 par ta’ żewġ kromożomi l-wieħed u l-par 21 ikun magħmul minn tliet kromożomi minflok minn tnejn, magħruf bħala “trisomy 21”. Jekk it-tliet kromożomi jitpoġġew ħdejn xulxin taħt mikroskopju, dawn jidhru f’forma ta’ kalzetta. Huwa għalekk li din il-ġurnata hija magħrufa għall-kalzetti. Barra minn hekk huwa popolari wkoll li kalzetta tkun blu u l-oħra safra, hekk kif dawn iż-żewġ kuluri jirrappreżentaw id-Down’s Syndrome.

Tajjeb li nfakkru li f’pajjiżna mhux minn dejjem kien hawn lok għad-diversità u l-inklużjoni. Persuni bid-Down’s Syndrome jew kundizzjonijiet oħra, kif ukoll persuni b’diżabbiltà, bħal ngħidu aħna bniedem li jkun f’siġġu tar-roti, għal żmien twil ġew imwarrba sforz l-injoranza li saltnet għal snin sħaħ fis-soċjetà Maltija. Dawn in-nies għal sekli sħaħ ġew magħluqa fi djarhom għas-sempliċi raġuni li kienu “differenti” minn ħaddieħor; żmien li fih il-familjari tagħhom kienu jistħu joħorġuhom fil-beraħ. Fortunatament, bis-saħħa ta’ persuni li emmnu f’dawn iż-żewġ valuri msemmija hawn fuq, din il-barriera kważi ngħelbet kompletament. 

Għaliex qed ngħidu hekk, u mhux “ingħelbet għalkollox”? Raġuni minnhom hija li sa ftit snin ilu kien għad fadal parti minn din il-barriera, din id-darba fuq il-midja soċjali, fejn ġenituri Maltin li kienu jippruvaw ifittxu ritratti ta’ persuni Maltin bid-Down’s Syndrome, iktar u iktar ta’ tfal żgħar, ma kienu jsibu xejn. Għal darb’oħra, hawnhekk kien jinħtieġ li xi ħadd iservi ta’ xprun għal familji oħra li xtaqu jqajmu għarfien dwar din il-kundizzjoni. Illum il-ġurnata mhux talli nsibu ritratti ta’ persuni bid-Down’s, talli saħansitra minn mindu jkunu għadhom ħalib ommhom fi snienhom ġa jkunu daħlu fil-qasam tal-midja permezz tal-immudellar, kant, żfin, u ħafna affarijiet oħra. Mhux biss, iżda anki rnexxielhom jirbħu titli f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. Każ ċar huwa s-sena l-oħra fejn tifla Maltija saħansitra ntgħażlet biex tirrappreżenta lil pajjiżna waqt id-Diversity Fashion Week u din is-sena hija l-ambaxxatriċi Maltija għal Wouldn’t Change A Thing (WCAT) – organizzazzjoni li tippromwovi l-inklużjoni.

It-tema ta’ din is-sena għall-Jum Dinji tad-Down’s Syndrome hija “With Us Not For Us”, bil-għan li l-pubbliku jagħraf illi persuni b’tip ta’ kundizzjoni bħalma hi d-Down’s Syndrome mhumiex sempliċi oġġett mixħut f’vetrina sabiex jiġbdu l-empatija tan-nies. Għall-kuntrarju, il-messaġġ ewlieni ta’ din it-tema huwa biex persuni b’diżabbiltà jingħataw opportunitajiet daqs kull individwi oħra fis-soċjetà. Permezz t’hekk, l-integrazzjoni tagħhom fl-iskola u fuq il-post tax-xogħol tkun inqas diffiċli u ħajjithom dejjem tmur għall-aħjar.  

Il-progress li sar fuq il-mhedda tas-snin iqawwilna qalbna għal ġejjieni b’iktar inklużjoni minflok “empatija” għaliex dawn il-persuni huma kapaċi jwettqu affarijiet bħal ħaddieħor jekk jingħataw iċ-ċans u ż-żmien.

Sport