Ftit ġimgħat qabel ma l-aggressjoni tar-Russja kontra l-poplu tal-Ukrajna tidħol fil-ħames sena tagħha, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg appella lill-Unjoni Ewropea u lill-imsieħba internazzjonali oħrajn biex isaħħu l-ħidma tagħhom biex tintemm din il-gwerra, filwaqt li jevitaw diviżjonijiet li jistgħu jiġu sfruttati mir-Russja.
Il-Ħamis, waqt l-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE għas-sena 2026 fi Brussell, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ta’ Malta kkundanna ż-żieda qawwija fl-attakki tar-Russja fuq in-nies ċivili u l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna, filwaqt li tenna s-sejħa ta’ Malta sabiex l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u msieħba internazzjonali oħrajn isostnu l-ħidma effettiva bejniethom u jiżguraw li d-diplomazija, il-liġi internazzjonali u l-paċi dejjiema jirbħu fuq l-użu tal-forza.
“Il-paċi jeħtieġ twassalna għal Ukrajna b’saħħitha, reżiljenti u b’rabtiet sodi mal-Ewropa – kemm ekonomikament kif ukoll politikament,” qal Dr Borg, hekk kif laqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-appoġġ lill-Ukrajna permezz ta’ self, li ġiet imfassla bis-salvagwardji meħtieġa, fosthom distinzjoni bejn l-użu militari u dak allokat għal ħtiġijiet oħrajn komuni, li tippermetti lil Malta tipparteċipa b’mod sħiħ filwaqt li tirrispetta l-parametri kostituzzjonali tagħha.
Huwa tenna wkoll l-appoġġ ta’ Malta għas-sħubija tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li saħaq li dan il-proċess għandu jibqa’ ambizzjuż, iżda fl-istess waqt realistiku. Dr Borg sostna wkoll li t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ jibqa’ bbażat fuq il-mertu u l-kriterji eżistenti, sabiex tinżamm il-kredibiltà ta’ dan il-proċess għall-Ukrajna u għall-pajjiżi kandidati l-oħra.
Matul il-laqgħa, Malta laqgħet ukoll l-aħbar tar-ritorn tal-aħħar ostaġġ li kien miżmum mill-Ħamas, kif ukoll it-tnedija tat-Tieni Fażi tal-Pjan ta’ Paċi għal Gaża. Dr Borg spjega li s-suċċess tal-Kumitat Tekniku Palestinjan il-ġdid iħoll u jorbot fuq iċ-ċediment tal-armi mill-Ħamas, u fuq il-kapaċità ta’ dan il-Kumitat li jtemm b’mod effettiv in-narrattiva tal-Ħamas, li m’għandha l-ebda post fil-governanza ta’ Gaża.
“Huwa kruċjali li tinżamm kawtela biex jiġi mħares il-waqfien mill-ġlied, hekk kif l-għajnuna umanitarja għandha tkompli tiżdied b’rata mgħaġġla, u bi prinċipji umanitarji. Fl-istess waqt, ejjew ma niqfux naħdmu biex niksbu l-għan finali ta’ żewġ stati, bi stat Palestinjan viabbli, li jgħix flimkien ma’ Iżrael fil-paċi u s-sigurtà,” hu żied jgħid.
Il-Ħamis, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin kellu wkoll taħditiet mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għad-Drittijiet tal-Bniedem, Volker Türk. Id-Deputat Prim Ministru Borg reġa’ sostna l-appoġġ sħiħ ta’ Malta lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li esprima tħassib dwar ir-reżistenza persistenti kontra diversi drittijiet stabbiliti, b’mod partikolari dawk relatati mad-drittijiet tan-nisa u t-tfajliet, l-orjentazzjoni sesswali u l-ġeneru. “Aħna se nibqgħu impenjati li nkomplu nappoġġjaw u nħarsu dawn il-prinċipji,” stqarr Dr Borg.
Id-Deputat Prim Ministru ħa sehem ukoll fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk, fejn tkellem dwar l-importanza ta’ din is-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk.

