Saturday, November 30, 2024

Id-DPM Ian Borg jindirizza s-sessjoni ta’ għeluq iċ-CHOGM 2024

Malta se tibqa’ tappella għal aktar appoġġ għal stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, kien fost erba’ kapijiet ta’ gvernijiet magħżula biex jindirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġew imħabbra l-konklużjonijiet taċ-CHOGM 2024 f’Samoa.

Is-27 Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth (CHOGM) ingħalqet is-Sibt bil-laqgħa magħluqa (retreat) tal-Kapijiet tal-Gvernijiet, segwita mill-konferenza tal-aħbarijiet tal-għeluq, indirizzata mill-Prim Ministru ta’ Samoa Fiamē Naomi Mataʻafa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tar-Repubblika tar-Rwanda, Olivier J.P. Nduhungirehe, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Malasja, Mohamad Hasan, u d-Deputat Prim Ministru Malti Ian Borg, flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland, li qed tagħlaq it-terminu tagħha din is-sena.

Il-Ministru Borg faħħar il-potenzjal tal-Commonwealth li jgħaqqad flimkien 56 nazzjon u 2.7 biljun ruħ, u b’hekk isaħħaħ il-vuċi tagħhom fuq livell globali. “L-isfidi li naffaċċjaw huma reali, iżda mhumiex impossibbli. Minflok, joffrulna l-opportunità li nikbru, inġeddu ruħna, u nikbru flimkien. Issa huwa l-mument li naħdmu sabiex infasslu Commonwealth li twieġeb għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħha — kemm dawk tal-preżent kif ukoll dawk tal-futur.”

Fil-kumment tiegħu, huwa ffoka wkoll fuq l-involviment tas-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ, ir-relazzjonijiet mal-UE u mal-Commonwealth u l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS).

L-involviment tas-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika huwa essenzjali biex l-aspirazzjonijiet tan-nies isiru realtà. “Iż-żgħażagħ madwar il-Commonwealth huma l-mexxejja tal-futur tagħna, li diġà qed iġibu perspettivi ġodda u enerġija bla qies għall-missjoni li naqsmu flimkien,” qal Borg.

Bħala wieħed miż-żewġ pajjiżi tal-Commonwealth fl-Unjoni Ewropea, Malta tfittex li tintroduċi perspettiva Ewropea usa’, u dan jgħin biex tinbena r-reżiljenza permezz ta’ sforzi kollaborattivi fuq sfidi komuni, u jsaħħaħ l-abbiltà taż-żewġ Organizzazzjonijiet biex jadattaw u jirnexxu. Id-Deputat Prim Ministru semma s-suċċess ta’ Malta biex imxiet ’il quddiem il-ħatra ta’ rappreżentant tal-UE għall-istati gżejjer żgħar, li se joħloq aktar opportunitajiet għal relazzjonijiet eqreb bejn l-UE u l-Commonwealth.

Malta se tkompli wkoll tippromwovi inizjattivi li jappoġġaw lis-SIDS u jmexxu ’l quddiem il-kooperazzjoni fuq ir-reżiljenza klimatika u s-sostenibbiltà. F’dan il-kuntest, il-Ministru Borg fakkar li r-riżultati ta’ CHOGM 2024 għandhom jiġu rinforzati matul il-COP29, f’Baku. “Għandna niżguraw li l-vuċijiet tal-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw ikunu fiċ-ċentru fil-COP u f’fori oħra, peress li dawn il-pajjiżi jaffaċċjaw bosta impatti minħabba t-tibdil fil-klima. Malta wkoll irnexxielha tressaq l-isfidi relatati mal-klima li jiffaċċjaw is-SIDS, inkluż iż-żieda fil-livell tal-baħar, fuq il-mejda tad-diskussjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.”

Il-Ministru Borg feraħ lil Antigua u Barbuda għall-konferma tagħhom bħala ċ-Chair-in-Office tal-ġejjieni tal-Commonwealth, wara li jospitaw iċ-CHOGM 2026. Huwa laqa’ lis-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Commonwealth Shirley Ayorkor Botchwey, li ġiet eletta għall-kariga waqt l-istess laqgħa, kmieni s-Sibt, filwaqt rringrazzja lil Patricia Scotland għat-tmexxija tal-Organizzazzjoni fl-aħħar snin.

Fiċ-CHOGM 2024, il-mexxejja adottaw tliet dokumenti ewlenin — il-Komunikat taċ-CHOGM, id-Dikjarazzjoni tal-Commonwealth dwar l-Oċeani, u l-Istqarrija tal-Mexxejja, li flimkien jesprimu l-impenji għas-sostenibbiltà, l-inklużjoni u inizjattivi f’oqsma bħall-konservazzjoni tal-oċeani, l-azzjoni klimatika u l-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ u n-nisa madwar l-istati membri.

Sport