Saturday, December 28, 2024

Id-DPM jinawgura CT Scan ġdida fiċ-ċentru tal-Onkoloġija

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura CT Scanner ġdida li se tkun qed tintuża għal iktar minn 70 sessjoni kuljum fis-Sir Anthony Mamo Oncology Center. Dan wara investiment ta’ nofs miljun ewro kofinanzjat mill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika.

F’deskrizzjoni dettaljata ntqal li din hija l-unika waħda tax-xorta tagħha fil-pajjiż u hija CT Scan li minnha jiddeterminaw fejn se jkun qiegħed jiġi trattat bħala tumur. Barra minn hekk permezz ta’ din il-magna se jkunu qegħdin jitnaqqsu dożi żejda ta’ raġġi.

Professjonisti li se jkunu qegħdin jagħmlu użu minn din il-magna rċevew sezzjonijiet ta’ taħriġ minn numru ta’ professjonisti li ġew apposta minn barra minn xtutna.

Id-DPM qal li minħabba l-pandemija l-kura ta’ kundizzjonijiet li mhumiex relatati mal-Covid-19 waqgħet lura. Minkejja dan huwa żied jgħid li minħabba li pajjiżna żamm taħt kontroll is-sitwazzjoni tal-pandemija, l-awtoritajiet Maltin kienu kapaċi jkomplu jżidu s-servizzi relatati ma’ mard ieħor.

Rigward dawk li ħadu jew qegħdin jieħdu xi forma ta’ kura tal-marda tal-kanċer f’pajjiżna, il-Ministru Fearne qal li għandu japprezza l-professjonalità ta’ dan is-servizz.

Fearne qal li mal-ħaddiema u l-mediċini li qegħdin ikomplu jiżdiedu fuq il-formularju tal-gvern hemm bżonn makkinarju li bih tkun tista’ tingħata l-aqwa kura lill-pazjenti li jiġu bżonnha.

Fearne fakkar li r-raġġi ta’ snin ilu kienu jħallu effetti negattivi fuq pazjenti, iżda meta beda jiffunzjona dan iċ-ċentru, sar investiment f’makkinarju li jispara raġġi li ma jikkawżawx din il-ħsara. B’hekk din il-magna se tkun qiegħda timmira r-raġġi tal-kura fuq it-tessut li għandu l-kanċer.

Ekonomija

Sport