“L-Uffiċċju tal-Ombudsman għandu jingħata s-saħħa eżekuttiva biex jitlob informazzjoni mingħand l-entitajiet li jkun qiegħed jinvestiga bil-poter li jimponu sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas” – Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
“Il-fatt li diversi persuni jitolbu l-assistenza tal-Uffiċċju tal-Ombudsman ifisser li din l-istituzzjoni tagħti sens ta’ tama liċ-ċittadin u huwa propju għalhekk li l-kredibbiltà tagħha hija fundamentali għal pajjiżna għaliex il-poplu qiegħed ipoġġi l-fiduċja tieghu fiha. Hu anki f’dan il-kuntest li d-dritt tal-governanza tajba għandu jkun dritt sanċit fil-Kostituzzjoni tagħna għaliex dan biss verament joffri lil kull persuna s-sens ta serenità u trankwillita’ f’istituzzjonijiet li jaħdmu. Li jiddaħħal id-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala prinċipju bażiku fil-Kostituzzjoni jfisser, li l-individwu jingħata għodda legali effettiva sabiex jeżerċita dan id-dritt u b’hekk ikun jista’ jżomm lill-aworità pubblika responsabbli.” Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi tmiem żjara lill-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-okkazjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-istituzzjoni f’Malta.
Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni determinata li b’mod ġenwin tissieħeb mal-istakeholders kollha sabiex flimkien infasslu l-viżjoni, it-triq, u niskopru d-destinazzjoni li Malta jmissha tasal għaliha. Huwa propju għalhekk, kompla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li fil-qofol ta’ dak li rridu nwettqu hemm ukoll viżjoni ta’ governanza aktar ġusta. “Wasal iż-żmien għalhekk li l-politiċi jagħtu l-impenn tagħhom sabiex fejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman m’għandux is-saħħa eżekuttiva biex jitlob informazzjoni mingħand l-entitajiet li jkun qiegħed jinvestiga, jingħata aktar poter biex ikun jista’ jakkwista dik l-informazzjoni, bil-poter li jimponu sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas,” qal Bernard Grech.
Filwaqt li ltaqa’ mal-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Kap tal-Oppożizzjoni wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma indispensabbli tagħhom fit-twettiq tar-rwol kostituzzjonali ta’ din l-istituzzjoni importanti għad-demokrazija ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku Karol Aquilina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport, il-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Robert Cutajar.