Monday, November 11, 2024

ID-DRITT TAL-ĦADDIEM LI JIRRIFJUTA LI JAĦDEM WARA L-ĦIN

Aqra wkoll

L-interpretazzjoni tad-drittijiet u dmirijiet fuq il-post tax-xogħol ħafna drabi jvarjaw mill-perspettiva ta’ min ikun qiegħed jitkellem dwar is-suġġett. Min iħaddem jaf jgħid li l-perspettiva tal-ħaddiem hija waħda li xxaqleb wisq lejn id-drittijiet tiegħu, filwaqt li l-ħaddiem jaf jgħidlek li l-perspettiva ta’ min iħaddmu hija wisq iffukata fuq l-obbligi tal-ħaddiema.

Studju ppubblikat riċentament li stħarreġ l-effetti tal-pandemija fuq ħaddiema minn faxex varji tas-soċjetà ħarġu numru ta’ fatturi fejn fost l-oħrajn kellek żieda fl-użu tat-teknoloġija tal-informatika li wasslet biex ċertu ħaddiemha ħassewhom f’diffikultà biex jagħmlu sinjal fejn tieqaf il-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Ħaddiema li ġew intervistati fl-istudju qalu li minħabba żieda f’mezzi ta’ komunikazzjoni moderna bħalma huma chat groups, fejn il-ħaddiem u min iħaddem setgħu jikkomunikaw b’mod aktar frekwenti b’aktar faċilità, komplew iżidulhom fir-responsabbiltajiet tagħhom. Qalu li minħabba din il-komunikazzjoni, kien hemm persuni li jħaddmu li stennew li minħabba din is-sistema biex ngħidu hekk iffaċilitata, spiċċaw jistennew li jaqbdu lill-ħaddiema tagħhom anke wara l-ħinijiet tax-xogħol.

Skont l-istess rapport irriżulta li l-pandemija ma kellhiex effetti katastrofiċi fuq il-ħaddiema u fil-maġġoranza tagħhom ma kellhomx effetti fit-tul.  

Nofs il-ħaddiema intervistati qalu li żdiditilhom l-ansjetà fuq ix-xogħol u li dan kien ikkawżat minn sigħat itwal ta’ xogħol u l-ammont ta’ xogħol mitlub minnhom. L-istress jidher li żdied ukoll fost dawk li nbidlitilhom l-iskeda tax-xogħol kif ukoll dak mitlub minnhom. Madanakollu, minkejja dawn il-livelli li huma relattivament għoljin, dawk li kkunsidraw li jitilqu minn fuq il-post tax-xogħol kienu biss 4.5 fil-mija.

Ta’ min ifakkar ukoll illi hemm id-direttiva tal-Unjoni Ewropea li tiffissa l-ġimgħa ta’ xogħol li ma taqbiżx it-48 siegħa li tinkludi s-sahra ħlief għal xi eċċezzjonijiet. Din id-direttiva kellha l-għan li tħares s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tant li sigħat f’sahra aktar mit-terminu ta’ tmien sigħat irid isir bl-aċċettazzjoni tal-impjegat mingħajr ma jittieħdu ebda passi kontrih.

Sport