Kulħadd jitwieled b’xortih u dan narawh li jgħodd anke fil-każ tal-annimali. Hemm annimali fortunati li jsibu familja li tħobbhom u tikkurahom tant li qishom, anzi huma, membru tal-familja. Mentri, kif nafu b’każijiet li nisimgħu bihom u anke għall-fatt li narawhom fit-toroq, hemm annimali inqas ixxurtjati li mhux biss ma jsibux imħabba ta’ familja imma hemm min isofri abbuż. Xi drabi anke abbuż ikrah.
Għal ħafna snin f’pajjjiżna d-drittijiet tal-annimali kienu jiġu meqjusa bħala kwistjoni sekondarja – jekk mhux ineżistenti. Il-liġijiet kienu primittivi, l-infurzar kważi nieqes u l-kundizzjonijiet li fihom kienu jinżammu jew jitrabbew ħafna mill-annimali, kienu xejn inqas minn degradanti. Qegħdin nitkellmu dwar kemm annimali domestiċi, kif ukoll dawk li jitrabbew għall-konsum. Fis-snin mgħoddija dawn kienu jgħaddu minn tbatija kontinwa bl-ebda protezzjoni reali.
Illum il-ġurnata dan il-qasam ra bidla fundamentali. Dan grazzi għall-impenn tal-Gvern Laburista li mhux biss ta spazju speċifiku għal dan il-qasam fi ħdan dekasteru ministerjali, iżda nieda wkoll liġijiet ġodda, inizjattivi u programmi li sa ftit tas-snin ilu lanqas biss konna nisimgħu bihom. Dan il-progress, b’mod strutturat u konkrett, għadu għaddej illum.
Il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna sar prijorità. Kien evidenti li l-bidla kellha tkun mhux biss fil-politika iżda wkoll fil-mentalità kollettiva. Bdew kompiti ministerjali relatati ma’ dan il-qasam u b’kollaborazzjoni mal-Kunsill għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Annimali, rajna l-identifikazzjoni ta’ seba’ punti ewlenin bħala qafas għal azzjoni konkreta u sostenibbli. Dawn huma l-Programm Nazzjonali ta’ Neutering; l-Edukazzjoni u Reġistrazzjoni tas-Sidien; ir-Reġistrazzjoni tal-Bejgħ tal-Frieħ; id-Dinjità anke fl-Irziezet; il-Ħarsien tal-Annimali Slavaġġ; Pożżizzjoni kontra Sustanzi Tossiċi; il-Ħolqien ta’ Respite Centre Nazzjonali; u finalment, Proġetti Komunitarji u Kuxjenza Soċjali.
Ma jistax jonqos li nsemmu inizjattivi tajbin riċenti fosthom l-ewwel Cat Café pubbliku fiż-Żurrieq. Inizjattiva li għandha tinfirex f’lokalitajiet oħra f’Malta. Dan il-Cat Cafè huwa eżempju ċar ta’ kif il-komunità qiegħda ssir parti attiva fil-ħarsien tal-annimali. Din il-faċilità toffri spazju sigur għall-qtates u sservi wkoll biex jinbena sens ta’ għarfien u rispett lejn dawn l-annimali. Nemmnu li din l-inizjattiva hija bżonnjuża u ta’ benefiċċju kemm għan-nies li jżuru dawn it-tipi ta’ cafè, kif ukoll għall-qtates tat-toroq li jsibu wens mill-bniedem proprju f’dawn l-ispazji.
Imbagħad hemm ukoll il-ħidma siewja tal-għaqdiet volontarji li fortunatament f’pajjiżna, minnhom għandna numru sabiħ. Ta’ min jirrikonoxxi li dawn ukoll jagħmlu xogħol kruċjali biex iqajmu kuxjenza dwar l-abbuż fuq l-annimali kemm lokalment kif ukoll f’pajjiżi barra minn xtutna. Il-parteċipazzjoni tagħhom f’inizjattivi bħal “Our Planet, Theirs Too”, ifakkruna li l-ġlieda għad-drittijiet tal-annimali hija ġlieda li rridu nkomplu nsostnu fuqha. Ħajr ukoll imur għal dawk il-persuni li b’dedikazzjoni, ta’ kuljum, jitimgħu lill-qtates tat-toroq. Dan ħadd ma jobbligahom imma jagħmluh b’imħabba u rispett lejn l-annimal.
Insostnu li biex nilħqu l-għan aħħari li nissalvagwardjaw id-drittijiet xierqa tal-annimali jeħtieġ impenn mhux biss mill-istituzzjonijiet imma minn kull wieħed u waħda minna. Importanti li kulħadd jifhem li d-drittijiet tal-annimali mhumiex xi favur jew xi passatemp. Dawn huma indikatur ċar ta’ kemm aħna soċjetà matura, responsabbli u empatika.
Il-progress li sar huwa sinifikanti iżda x-xogħol irid jibqa’ għaddej. Dan biex verament nersqu lejn soċjetà li tħares lejn l-annimali bħala ħlejjaq ħajjin b’dinjità u mhux bħala proprjetà jew xi oġġett li ma jħossx uġigħ jew li m’għandux emozzjonijiet.