Ftit tal-jiem ilu, il-Parlament Ewropew ippremja lin-nisa fl-Iran għal qlubija li wrew biex jirreżistu t-tnawwir tad-drittijiet tagħhom u ċ-ċaħda tal-libertajiet bażiċi fil-pajjiż. Iżda mhux fl-Iran biss jeżisti l-fundamentalizmu reliġjuż imma anki fl-Afganistan fejn id-drittijiet tan-nisa huma msakbrin kontinwament.
Fl-ewwel konferenza stampa tagħhom ftit wara li ħatfu l-poter fil-15 ta’ Awwissu 2021, il-gvern Taaliban kien ħabbar u wiegħed li se jħalli lin-nisa jistudjaw u jaħdmu u li n-nisa se jkunu attivi ħafna fis-soċjetà Afgana.
Sentejn wara, dawn l-assigurazzjonijiet ġew miċħudin b’mod sod mill-azzjonijiet tal-gvern Taliban. L-oppressjoni tad-drittijiet tan-nisa taħt il-ħakma tat-Taliban hija l-aktar waħda ħarxa fid-dinja, ipprattikata permezz ta’ sensiela bla waqfien ta’ digrieti reliġjużi mit-tmexxija Talibana, u deċiżjonijiet reġjonali li ġew imposti b’mod kostanti madwar l-Afganistan.
F’Settembru 2021 it-tfajliet ġew ipprojbiti milli jattendu l-iskejjel sekondarji tal-bniet.
L-ewwel indikazzjoni tal-attitudni tat-Taliban lejn in-nisa waslet xahar wara l-ftuħ ta’ skejjel sekondarji għas-subien fi stqarrija tal-ministeru tal-edukazzjoni li ma semmietx il-bniet.
Fl-istess ġimgħa, l-impjegati nisa ta’ l-amministrazzjoni tal-belt ta’ Kabul ġew imġegħla mis-Sindku biex jibqgħu d-dar, u tħallew iikomplu jaħdmu dawk biss li wettqu xogħlijiet li ma setgħux isiru mill-irġiel.. Iżda xorta waħda, xi nisa rabbew it-tama li t-Talibani se jibdlu l-politika tagħhom.
Il-mistoqsija li ħafna qed jagħmlu lill-ministeru tal-edukazzjoni hi għalejn għalaq l-iskejjel għall-bniet.
Meta uffiċjal fl-istess ministeru ġie sfidat, huwa qal li se jiftħu skejjel għall-bniet madwar il-pajjiż u qegħdin jaħdmu biex itejbu s-sitwazzjoni tas-sigurtà.
Diċembru 2021 sa Marzu 2022 iddaħħlu wkoll restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u din kienet wegħda oħra miksura dwar l-edukazzjoni sekondarja
In-nisa wieġbu għar-restrizzjonijiet billi mxew fit-toroq tal-bliet Afgani, u talbu d-dritt għax-xogħol u l-istudju. Huma twaqqfu b’mod vjolenti mill-gvern Taliban f’diversi okkażjonijiet.
F’Jannar 2022, mill-inqas erba’ attivisti nisa ġew arrestati u inżammu għal ġimgħat u anki ġew imsawta meta kienu fil-kustodja.
Ir-restrizzjonijiet kienu qed jiddaħħlu ftit ftit. F’Diċembru 2021, il-gvern ordna li n-nisa li jivvjaġġaw distanzi itwal minn 72km għandhom ikunu akkumpanjati minn qarib maskili.
F’Marzu 2023, id-dipartiment tal-edukazzjoni Taliban ħabbar li “l-istudenti kollha” se jkunu jistgħu jirritornaw l-iskola fil-bidu tat-terminu akkademiku l-ġdid. Bosta uffiċjali Talibani qalu li l-iskejjel tal-bniet se jerġgħu jiftħu.
Uffiċjal lokali tal-edukazzjoni tat-Taliban kien għadda messaġġ WhatsApp fejn qal li l-iskejjel sekondarji tal-bniet se jibqgħu magħluqa sa avviż ieħor.
Il-gvern Taliban innifsu kien spjega li l-azzjonijiet tiegħu ikklassifikahom bħala ritorn għall-valuri tradizzjonali Iżlamiċi u Afgani. Sadanittant, ħafna kleriki ultra konservattivi, anzjani tribali u s-segwaċi tagħhom huma parti mill-bażi ta’ appoġġ tal-gvern li għenithom jieħdu l-poter fl-Afganistan.
Anqas minn xahrejn wara, f’Mejju 2022, il-gvern ħabbar digriet approvat mill-mexxej suprem tiegħu Mullah Haibatullah Akhundzada, li jobbliga ilbies minn ras sa saqajh għan-nisa bir-riżultat li dawk in-nisa li mhumiex anzjani jew żgħar kellhom jgħattu wiċċhom, ħlief l-għajnejn.
Ordna ukoll li l-membri rġiel tal-familja għandhom jiżguraw li n-nisa u l-bniet jikkonformaw, jew inkella jiffaċċjaw azzjoni.
Filwaqt li n-nisa bdew jisparixxu mill-ħajja pubblika, in-numru ta’ nisa fil-bżonn, li kienu mċaħħda mid-dritt tax-xogħol u mill-kapaċità li jitimgħu lill-familji tagħhom, kienu dejjem aktar viżibbli fit-toroq jitolbu l-għajnuna.
Fl-istess waqt aktar u aktar bniet ġew imġiegħla jiżżewġu bikri mill-familji tagħhom, għax ma kinux kapaċi jiksbu edukazzjoni jew impjieg.
L-aħħar ftit spazji fejn in-nisa setgħu jinġabru ‘l bogħod mill-iskrutinju tat-Taliban kienu salons tax-xagħar u tas-sbuħija. Iżda t-tħabbira tal-gvern Taliban f’Lulju li għadda għalqu dawn l-istabbilimenti. Madwar 60,000 mara kienu stmati li kienu impjegati fis-salons.
U kull darba, minkejja r-riskju gravi ħafna ta’ detenzjoni u vjolenza, gruppi ta’ nisa Afgani qed ikomplu jimmarċjaw fit-toroq u jgħollu leħinhom. In-nisa Afgani tal-lum m’humiex l-istesd li kienu 20 sena ilu. Qed jinsistu għal bidla anki jekk qed ikollhom iħallsu b’ħajjithom għal dan.