Id-due diligence tal-offerti biex isir il-proġett tal-wind farms mistennija titlesta aktar tard din is-sena. Hekk ħabbret fil-Parlament il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli waqt li kienet qed twieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg.
Il-Ministru Dalli qalet li tinstab informata li wara l-pubblikazzjoni tal-Kwestjonarju ta’ Kwalifika Preliminari (PQQ) f’Diċembru 2024, kienu sottomessi tliet offerti f’Lulju 2025. Bħalissa, l-evalwazzjoni ta’ dawn l-offerti, li tinkludi wkoll stadju ta’ due diligence, għadha għaddejja u mistennija li titlesta aktar tard din is-sena. Il-kandidati li jintgħażlu mbagħad ikunu mistiedna jipparteċipaw fl-istadju li jkun imiss, dak ta’ djalogu kompetittiv, li mbagħad iwassal għat-tielet stadju li huwa dak tal-Aħjar u l-Aħħar Offerta (Best and Final Offer). Dan iwassal għall-għażla ta’ dak l-iżviluppatur li se jkun responsabbli għall-bini, it-tħaddim u l-immaniġġjar tal-farm tar-riħ taħt ftehim ta’ konċessjoni ta’ 35 sena, kif ukoll taħt Kuntratt għad-Differenza (Contract for Difference) ta’ 25 sena.
Fi tweġiba tagħha fil-Parlament, il-Ministru Dalli qalet li “l-proċedura ta’ djalogu kompetittiv hija mistennija li tiġi konkluża sal-2028, sakemm ma jkunx hemm xi dewmien mhux previst. Wara l-iffirmar tal-kuntratt, din it-tip ta’ infrastruttura normalment tieħu mill-inqas ħames snin biex titwettaq, u għalhekk nistennew li l-farm tar-riħ jidħol fis-servizz bejn wieħed u ieħor lejn is-sena 2033/2034.”
Kompliet tgħid li “barra minn hekk, l-iżviluppatur magħżul se jkun ukoll responsabbli għall-kostruzzjoni, t-tħaddim u l-manutenzjoni tas-Sistema ta’ Konnessjoni mal-Grid (Grid Connection System – GCS), li se tkun proprjetà tal-Gvern. Din tinkludi substation offshore u sistema ta’ cables għall-esportazzjoni tal-enerġija mill-farm għal Malta.”
F’Novembru 2025, il-proġett tal-GCS ġie aċċettat għall-inklużjoni fil-Pjan ta’ għaxar snin tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp tan-Network tal-Enerġija. B’hekk dan il-proġett sar eliġibbli bħala kandidat fil-lista tal-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCI) tal-UE għall-2027 u bis-saħħa t’hekk ikun ukoll eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Connecting Europe Facility. Din tkun opportunità tajba ħafna biex jinkiseb appoġġ finanzjarju importanti għall-implimentazzjoni tal-proġett.
“Dan il-proġett jirrappreżenta pass importanti lejn il-mira tagħna li nkunu pajjiż newtrali għall-karbonju sal-2050, filwaqt li jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna,” temmet tgħid il-Ministru Dalli fil-Parlament.

