Tuesday, May 14, 2024

Id-Dwana tinterċetta €64,967 fi flus kontanti mhux iddikjarati fl-MIA

Aqra wkoll

Din is-sena d-Dwana interċettat total ta’ €229,925 fi flus kontanti mhux iddikjarati

Erbat irġiel li kienu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ġew interċettati mid-Dwana hekk kif kellhom fil-possessjoni tagħhom €64,967 fi flus kontanti mhux iddikjarati.

Żewġ passiġġieri Maltin li kienu fis-sezzjoni tad-departures — persuna minnhom kienet sejra t-Turkija u l-oħra l-Awstralja — instab li kellhom total ta’ €25,717 fi flus kontanti mhux iddikjarati. Ir-raġel li kien sejjer it-Turkija kien qed iġorr €11,280 fi flus kontanti mhux iddikjarati, filwaqt li l-Malti li kien sejjer l-Awstralja kien qed iġorr  €14,437 fi flus kontanti mhux iddikjarati. 

Olandiż li kien sejjer Amman ġie mistoqsi kemm kellu flus kontanti fuqu u huwa wieġeb li kellu €5,000. Però minn tfittxija li saritlu mill-uffiċjali tad-Dwana rriżulta li kellu €28,700 fi flus kontanti mhux iddikjarati. 

F’każ ieħor separat, il-kelba tad-Dwana bl-isem ta’ Gypsy inċerttat €10,550 fi flus kontanti mhux iddikjarati fuq passiġġier Sudaniż li kien sejjer l-Eġittu.

L-erba’ passiġġieri ġew offruti ftehim alternattiv minflok ma jidħlu l-Qorti u kien hemm qbil għal dan l-arranġament. Eventwalment, dawn il-passiġġieri ngħataw multa kull wieħed.

Mill-bidu ta’ din is-sena sal-lum, id-Dwana rnexxielha tinterċetta total ta’ €229,925 fi flus kontanti mhux iddikjarati. Dan it-total kien mifrux fuq 15-il każ differenti, b’seba’ minnhom li ġew interċettati mill-klieb tad-Dwana; il-kelb Charlie rnexxielu jsib €41,518 fi flus kontanti mhux iddikjarati, mifruxa fuq tliet każi separati, filwaqt li l-kelba Gypsy irnexxielha tinterċetta €37,515 f’żewġ każijiet separati. Il-klieb Zekkin u Sophie rnexxielhom jinterċettaw €15,030 u €13,085 rispettivament f’żewġ każi separati.

Sport