Saturday, December 21, 2024

Id-Dwana tinvesti f’tagħmir ġdid fl-ajruport biex jiskennja l-bagalji

Aqra wkoll

Minn Claudio Coleiro

Id-Dwana ta’ Malta se tkun qiegħda tinvesti f’vann ġdid fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li jiskennja l-bagalji tal-passiġġieri mal-wasla tagħhom f’pajjiżna. Dan se jkun qed isir biex jiġu evitati kjuwiet twal anke fid-dawl ta’ Brexit.

Żvela dan id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, is-Sur Joseph Chetcuti, meta mistoqsi minn dan il-ġurnal dwar l-investiment f’tagħmir ġdid li d-Dwana se tkun qed tagħmel fix-xhur li ġejjin.

“Wara li investejna f’ZBV backscatter scanner li jista’ jintuża kullimkien għax jersaq hu lejn l-oġġett, u wara li investejna f’scanner kbir stazzjonarju fil-Port Ħieles u f’taqsima ġdida tal-klieb, issa l-attenzjoni hi fuq l-ajruport,” qal Chetcuti. 

“Fl-ajruport diġa’ għandna tagħmir li jara l-bagalji fl-ajruport. Imma minħabba l-ħtieġa ta’ Brexit u r-riżultanzi li se jkun hemm minħabba fiha ħassejna li għandna nagħmlu investiment ġdid.” 

Chetcuti żied jispjega li permezz ta’ Brexit se jkun hemm medja ta’ żewġ titjiriet kuljum lejn Malta mir-Renju Unit u żewġ titjiriet oħra minn Malta lejn ir-Renju Unit. Qal li dan se jwassal biex ikun hemm żieda fin-numru ta’ passiġġieri li ma jistgħux jużaw aktar il-kanal il-blu, li huwa riservat għal dawk it-titjiriet ġejjin mill-UE.

“Titjiriet li mill-1 ta’ Jannar se jkunu ġejjin mir-Renju Unit, li mhux se jkun aktar fl-Unjoni Ewropea, il-passiġġieri li jiġu b’titjiriet minn hemm, inkluż Maltin li jmorru vaganza, ma jistgħux jużaw kanal il-blu imma jridu jużaw il-kanal li fih jagħmlu dikarazzjoni lid-Dwana.

“Dikjarazzjoni ssir f’sens li jew wieħed jagħżel il-kanal l-aħdar fejn m’għandux x’jiddikjara jew il-kanal l-aħmar fejn għandu x’jiddikjara. Fl-aħmar se jitwaqqaf mid-Dwana waqt li fl-aħdar xorta suġġett li jitwaqqaf mid-Dwana.”

Id-Dwana qiegħda tara li dan jista’ jżid il-possibiltà ta’ kjuwiet u joħloq ċertu bottleneck li jkun jista’ jfisser esperjenza mhux daqstant pożittivi mal-ewwel wasla tal-passiġġieri f’Malta. 

“Biex nispedixxu l-eżaminazzjoni filwaqt li nibqgħu nirrikonixxu l-ħtieġa ta’ kontroll, imma ma jkunx kontroll li jdejjaq, iddeċidejna li ninvestu f’luggage x ray van, li se jkun fit-tunnel, fuq in-naħa ta’ barra tal-ajruport minn fejn jitpoġġew il-bagalji fuq il-karusels. 

“Il-bagalji se jitpoġġew fih u jinżlu awtomatikament fuq il-karusel u b’hekk il-passiġġer meta jkun qabad il-bagalja tiegħu tkun diġa’ ġiet eżaminata mid-Dwana u wieħed jespedixxi l-loġistika tal-ħruġ tal-passiġġieri,” tenna d-Direttur Ġenerali tad-Dwana. 

Ekonomija

Sport