Wednesday, December 25, 2024

Id-Dyslexia taf tkun vantaġġ u mhux nuqqas

Kenneth Vella

Aqra wkoll

Għalkemm fl-aħħar snin il-mentalita’ nbidlet mhux ħażin, illum għadek issib min jaħseb li adulti jew tfal li għandhom dyslexia għandhom xi nuqqas meta mqabbla ma’ oħrajn. Dan żgur li mhux minnu għax jien nemmen li kulħadd hu kapaċi jasal, għandu kwalitajiet li jiddistingwuh minn oħrajn. Kulħadd kapaċi jasal jekk ikollu l-appoġġ u r-risorsi meħtieġa.

Il-Forum Ekonomiku Dinji, f’rapport li ħareġ ftit tal-jiem ilu, kkwota studju interessanti li sar mill-Universita’ ta’ Cambridge fl-Ingilterra. Din ir-riċerka wriet li d-dyslexia għandha tkun deskritta bħala vantaġġ u mhux xi diżabilità jew nuqqas. L-istess studju, li ġie ppublikat aktar kmieni din is-sena, sab li min hu dislessiku għandu kundizzjoni newroloġika li hija assoċjata ma’ abbiltajiet avvanzati fil-qasam tal-iskoperta, l-invenzjoni u l-kreattivita’. Dawn il-ħiliet huma essenzjali biex wieħed jaddatta għat-tibdil fl-ambjent u s-sitwazzjonijiet ta’ madwarna. Dan għax id-dinja għaddejja wkoll minn żmien ta’ sfida u tibdil kontinwu.

Dr Helen Taylor, li kienet waħda minn dawk ir-riċerkaturi li kkontribwixxiet f’dan l-istudju żiedet tgħid li min jenfasizza n-nuqqasijiet relatati ma’ din il-kundizzjoni mhux qiegħed jagħti stampa sħiħa tas-sitwazzjoni u jkun qiegħed iġib rispett lejn l-individwu u dawk ta’ madwaru. Dan għax l-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Saħħa fl-Ingilterra jiddeskrivu d-dyslexia bħala diffikultà komuni fit-tagħlim li tikkawża problemi fil-qari, fil-kitba u fl-ispelling tal-kliem u l-ittri. L-istess Awtoritajiet jgħidu wkoll li d-dyslexia hija komuni fl-Ingilterra u instab li madwar 20% tal-każijiet huma ereditarji.

F’kummenti li tat lill-pubblikazzjoni ta’ riċerka, Frontiers in Psychology, Taylor żiedet tgħid li llum hemm bżonn li bħala soċjeta’ nibdew nibdlu xi ftit il-mod kif inħarsu lejn ċerti sitwazzjonijiet, irridu nitgħallmu naddattaw għal realtajiet u sfidi differenti. Ma jfissirx li għandna nħarsu lejn ċerti sitwazzjonijiet bħal kif konna nagħmlu fil-passat.

Ir-riċerkaturi Ingliżi kkonkludew ukoll li persuni bid-dyslexia għandhom jitqiesu persuni kurjużi u li għandhom abilta’ kbira biex jesploraw. Din il-kwalita’ hija kruċjali biex jaddattaw għal tibdil fl-ambjent u l-ħajja ta’ madwarhom. L-abbilta’ li tesplora hija assoċjata wkoll mal-kapaċita’ li tivvinta u li toħloq il-ġdid, li tara l-istampa sħiħa tal-affarijiet u s-sitwazzjoni, li taħseb ħafna fit-tul.

Studji oħra

Interessanti huwa wkoll il-fatt li Taylor u sħabha għaqdu d-dyslexia mal-evoluzzjoni tal-bniedem matul medda ta’ mijiet jekk mhux eluf ta’ snin. Dan meta l-bniedem kellu jaddatta għal tibdil kontinwu li kien qiegħed iseħħ fl-ambjent ta’ madwaru. Ir-riċerka tal-Universita’ ta’ Cambridge tikkonferma u ssaħħaħ studji oħra li saru fl-aħħar snin fuq l-istess suġġett. Rapport bl-isem ta’ Il-Valur tad-Dyslexia, maħruġ mill-kumpanija EY u l-entita’ Made By Dyslexia wkoll sostna li l-kwalitajiet li għandha persuna dislessika jgħinuha taddatta ruħha sew għat-tibdil fid-dinja tax-xogħol u tkun aktar flessibbli.

Persuni bid-dyslexia ħafna drabi jispikkaw meta jkollhom isolvu problemi li jirrikjedu ċertu ħsieb, meta jkollhom juru ħiliet sistematiċi, tekniċi jew jipproċessaw struzzjonijiet u informazzjoni. Dawn kollha huma ħiliet ewlenin li jissemmew fid-dokument Rapport Dwar Il-Futur tal-Impjiegi 2020 maħruġ mill-Forum Ekonomiku Dinji.

L-akkademiku Amerikan Robert Chapman jemmen ukoll li hemm relazzjoni bejn id-dyslexia u l-kreattivita’, l-intraprenditorija u s-suċċess fil-qasam sportiv. Fl-Istati Uniti iċ-Ċentru tal-Astrofiżika ta’ Harvard għamel studju dwar il-ħiliet fil-qasam tax-xjenza ta’ persuni bid-dyslexia. Dawn sabu li xjenzati li kellhom id-dyslexia kellhom riżultati aħjar meta ntalbu jsolvu problemi kumplessi.

Dan kollu jindika li li jkollok il-kundizzjoni ta’ dyslexia mhux xi diżunur jew bilfors xi żvantaġġ. Fil-qasam edukattiv, illum studenti bid-dyslexia jiġu megħjuna mhux biss mill-edukaturi iżda anki meta jagħmlu l-eżamijiet tagħhom. Dan isir b’diversi modi u anki b’teknoloġija moderna li nħolqot apposta biex tiffaċilita t-tagħlim ta’ dawn it-tfal. Illum anki kotba jiġu stampati apposta għal tfal bid-dyslexia.

Finalment kienu ħafna dawk li ħallew impatt fuq id-dinja u l-ħajja tagħna matul is-sekli u li kellhom id-dyslexia. Fost dawn jissemmew il-fiżiku Albert Einstein, il-ġenju Leonardo Da Vinci, l-artist Pablo Picasso, id-direttur tal-films Stephen Spielberg, il-kantant John Lennon, l-ex presidenti Amerikani John F Kennedy, George Washington u George W Bush, l-atturi Orlando Bloom u Keira Knightley u n-negozjant Sir Richard Branson.

Ekonomija

Sport