Sunday, December 22, 2024

ID-DYSLEXIA U L-ISFIDI LI ĠĠIB MAGĦHA

Aqra wkoll

In-Nazzjonijiet Uniti, sa mit-twaqqif tagħha, għarfet diversi sitwazzjonijiet li jolqtu direttament lill-komunità internazzjonali. Tant hu hekk, li l-istess Nazzjonijiet Uniti ddedikat ġurnata biex dawn is-sitwazzjonijiet u kundizzjonijiet tinħoloq aktar kuxjenza u għarfien dwarhom. 

Waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet qed tiġi mfakkra matul dan ix-xahar li tirrifletti l-ostakli li jaffaċċjaw dawk li jridu jgħixu bil-kundizzjoni tad-dyslexia. Din il-kundizzjoni toħloq diffikultà partikolarment fit-tfal għat-tagħlim u l-edukazzjoni. 

Din il-problema, skont l-Assoċjazzjoni Ewropea għad-Dyslexia qed taffettwa bejn 9 u 12% tal-popolazzjoni dinjija. F’Malta, bħal kull pajjiż ieħor, ukoll teżisti din il-kundizzjoni ta’ tfal li ma jkollhomx l-abilità li jitgħallmu malajr kif jitgħallmu tfal oħra. Ma jfissirx iżda li fiżikament huma differenti jew agħar minn tfal oħra. 

Tant din il-problema qed tittieħed bis-serjetà li għal din is-sena minflok jum wieħed biss dedikat għal dan, il-kampanja t’għarfien qed titwessa’ għal ġimgħa sħiħa matul ix-xahar ta’ Ottubru. Għalhekk id-dyslexia m’għandhiex tkun xi ħaġa ta’ xkiel jew stigma anke għal dawk li jixtiequ li jaqbdu karriera, sew fil-qasam edukattiv u kif ukoll fid-dinja tax-xogħol. 

L-edukazzjoni għandha tkun l-ixprun għal min ibati bid-dyslexia. Ta’ min ifaħħar lil dawk l-istudenti li snin ilu ngħaqdu flimkien ma’ edukaturi, għalliema u ġenituri waqqfu grupp bl-iskop titqajjem iżjed għarfien dwar din il-kundizzjoni, li llum tolqot ħafna nies. 

Tasssew li l-ħajja mhux kollox ward u żgħar anzi l-ħajja hi mimlija sfidi. Għalhekk nemmnu li għandu jsir aktar studju dwar kif persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni jiġu megħjuna aħjar biex jitgħallmu jkampaw mal-kundizzjoni tagħhom stess.

Qed ngħidu dan għaliex nemmnu li bħalma t-teknoloġija solviet jew irnexxielha tnaqqas ħafna mill-problemi, hekk ukoll tista’ b’xi mod tintuża biex il-qasam tat-tagħlim għal min ibati mid-dyslexia jkun aktar faċilitat. 

Hawnhekk ukoll inħeġġu lil min iħaddem sabiex iħares lejn il-kwalitajiet tal-individwu u mhux il-kundizzjoni li jbati minnha. Wara kollox in-negozji li jagħmlu dan ikunu qed iwettqu r-responsabbilità soċjali korporattiva lejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport