Sunday, December 22, 2024

Id-WHO b’parir biex l-Ukrajna teqred patoġeni perikolużi fil-laboratorji

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bil-għan li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna ma tiggravax aktar, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) tat parir lill-Ukrajna biex teqred kull tip ta’ patoġeni li jistgħu jwasslu għal tixrid ta’ mard perikoluż li għandhom miżmuma fil-laboratorji tagħhom. Dan fid-dawl li jekk isir attakk mill-forzi Russi fuq dawn il-faċilitajiet, hemm riskju li jinħarġu mill-konfini tal-laboratorji u jinxtered il-mard.

Id-WHO qalet lill-aġenzija tal-aħbarijiet “Reuters” li għal snin sħaħ huma jinsabu f’ħidma konġunta mal-laboratorji tas-saħħa pubblika Ukreni biex jevitaw li jkun hemm “aċċidenti li joħorġu dawn il-patoġeni” mil-laboratorji. 

Jingħad ukoll li bħala parti mix-xogħol tagħha, id-WHO issa rrakkomandat lill-Ministeru tas-Saħħa tal-Ukrajna u lill-awtoritajiet lokali oħra biex jeqirdu patoġeni perikolużi ħafna bil-għan li jkun evitat tixrid aċċidentali. 

Huwa rrapportat ukoll li l-aġenzija rrifjutat li tispeċifika x’tip ta’ patoġeni hemm f’dawn il-laboratorji Ukreni mentri, uffiċjali tal-Ukrajna ma qalux jekk humiex se jagħtu widen għall-parir li tagħthom id-WHO.

Sadanittant, rapport fuq il-“Global Times” kien qal li l-Amerikani kienu ammettew li fl-Ukrajna hemm “faċilitajiet ta’ riċerka bijoloġika” u esprimew tħassib li dawn jistgħu jaqgħu taħt idejn il-forzi Russi. Il-kwistjoni kontroversjali ferm tal-eżistenza ta’ dawn il-laboratorji ssemmiet riċentement mir-Russja fejn saħqet li l-Istati Uniti għandhom jagħtu spjegazzjoni lill-komunità internazzjonali rigward l-għan wara l-hekk deskritti minnhom, “laboratorji militari bijoloġiċi”. 

Il-Ministru tad-Difiża Russu ħabbar li dawn il-laboratorji b’patoġeni perikolużi fl-Ukrajna huma ffinanzjati mill-Istati Uniti u qegħdin jagħmlu esperimenti b’kampjuni ta’ Coronavirus mill-friefet il-lejl. 

Pubblikazzjoni tad-dokumenti fil-ġranet li ġejjin…

Dan il-Ministru, il-Ġeneral Igor Konashenkov, sostna li skont id-dokumenti li għandhom, l-Amerikani ppjanaw li fl-2022 fl-Ukrajna jaħdmu fuq patoġeni ta’ għasafar, friefet il-lejl u rettili b’possibbiltà ta’ aktar mard perikoluż. Barra minnhekk, jingħad li dawn il-faċilitajiet kienu qegħdin jikkonsidraw il-possibbiltà li jxerrdu l-patoġeni permezz ta’ għasafar selvaġġi li jkunu f’migrazzjoni bejn ir-Russja, l-Ukrajna u pajjiżi oħra fir-reġjun.

Rigward din l-allegazzjoni, l-Istati Uniti għall-ewwel ċaħdet kollox u kien hawn li l-Ministeru tad-Difiża Russu ħabbar li fil-ġranet li ġejjin se jippubblika d-dokumenti relatati li ngħatawlhom minn impjegati fil-laboratorji bioloġiċi Ukreni stess. 

Fis-7 ta’ Marzu, il-forzi armati Russi qalu li skoprew total ta’ 30 laboratorji għall-istudji bijoloġiċi fl-Ukrajna li “possibbilment huma involuti fl-iżvilupp ta’ armi bijoloġiċi”.

Minkejja li għall-bidu l-Istati Uniti ċaħdet kategorigament li għandha laboratorji militari bijoloġiċi fl-Ukrajna, it-Tlieta li għadda s-Sotto Segretarju għall-Affarijiet Politiċi, Victoria Nuland, ammettiet li jeżistu “faċilitajiet tar-riċerka bijoloġika” iffinanzjati mill-Istati Uniti fl-Ukrajna.

Il-“Global Times” irrapporta wkoll li Moska għal snin sħaħ esprimiet tħassib serju dwar l-attivitajiet ta’ laboratorji ffinanzjati mill-Istati Uniti fl-Ukrajna kif ukoll f’pajjiżi eks Sovjetiċi fosthom fil-Kazakhstan, fit-Tajikistan, fil-Kyrgyzstan, fl-Armenia u f’Georgia.

Ekonomija

Sport