L-istat Awstraljan ta’ Victoria ddikjara stat ta’ diżastru u impona miżuri ġodda ta’ lockdown wara żieda qawwija fin-numru ta’ infezzjonijiet ġodda tal-Covid-19.
Is-Sindku ta’ Victoria Daniel Andrews ħabbar li r-retrizzjonijiet il-ġodda daħlu fis-seħħ fis-6.00 p.m. tal-bieraħ. B’dawn il-miżuri, ir-residenti tal-kapitali Melbourne se jkunu suġġetti għal curfew matul il-lejl jiġifieri f’dawn il-ħinijiet ir-residenti jkunu jistgħu joħorġu biss għal raġunijiet essenzjali bħal dawk ta’ saħħa jew biex imorru jgħinu lil xi persuna oħra.
Apparti hekk ir-residenti mhux se jkunu permessi li jitbiegħdu mid-dar iktar minn ħames kilometri, l-eżerċizzju se jkun ristrett għal darba f’ġurnata filwaqt li persuna waħda biss minn familja se tkun tista’ toħroġ biex tixtri l-affarijiet essenzjali.
L-Awstralja, qabel din il-mewġa, kienet storja ta’ suċċess fil-kontroll ta’ dan il-virus hekk kif dan il-pajjiż kellu numri baxxi meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn. Dan il- pajjiż kellu 17,000 każ u 200 mewt. Iżda ġara li f’dawn l-aħħar jiem il-każijiet żdiedu b’mod qawwi f’Victoria, u b’hekk kellhom jerġgħu jibdew jiddaħħlu miżuri restrittivi.
Matul il-ġurnata tal-bieraħ, l-istat ta’ Victoria rrapporta 671 każ ġdid u seba’ mwiet. B’hekk issa n-numru totali ta’ infezzjonijiet f’din il-mewġa laħaq il-11,557 u 123 mewt.
Andrew qal li l-miżuri introdotti ġewwa Victoria – li huwa t-tieni l-iktar stat popolat ġewwa l-Awstralja – qegħdin jaħdmu iżda mhux malajr daqskemm mixtieq. Minħabba f’hekk Andrews tenna li jeħtieġ isir iktar u b’iktar qawwa. Hu żied jgħid li l-miżuri l-ġodda se jibqgħu fis-seħħ minn tal-inqas sat-13 ta’ Settembru li ġej.