Sunday, November 10, 2024

Iddikjarat stat ta’ emerġenza fi New York minħabba mxija ta’ Polio

Aqra wkoll

Il-Gvernatur ta’ New York iddikjara stat ta’ emerġenza hekk kif l-evidenza qiegħda turi li l-virus tal-Polio qiegħed jinfirex b’mod allarmanti ħafna madwar dan l-istat.

Uffiċjali tas-saħħa qalu li f’kampjuni li ttieħdu mid-drenaġġ ġewwa l-belt ta’ New York u erba’ counties fil-viċin instab li hemm traċċi ta’ dan il-virus li jikkawża paraliżi. 

S’issa kien hemm każ wieħed biss li ġie kkonfermat, u dan kien l-ewwel każ fi kważi deċenju. Il-virus tal-Polio tista’ tgħid li kien ġie eradikat mill-Istati Uniti bil-programmi ta’ tilqim li kienu bdew fl-1955 fejn grazzi għal dan sal-1979 l-Istati Uniti kienet dikjarata bħala ħielsa mill-Polio. Iżda skont l-uffiċjali ta’ New York, illum il-ġurnata ir-rata ta’ tilqim kontra dan il-virus naqset ħafna. 

Ladarba persuna tiġi infettata bil-Polio dan m’hemmx kura għalih, iżda wieħed jista’ jevita li jiġi infettat grazzi għall-vaċċin. Il-virus tal-Polio jolqot l-iktar lit-tfal u dan jikkawża dgħufija fil-muskoli, parależi u fil-każi l-iktar serji dan jista’ jwassal għal diżabilità permanenti u anke mewt. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, id-dipartiment tas-saħħa ġewwa New York qal li se jkun qiegħed isaħħaħ il-programm ta’ tilqim u l-ġenituri qed jiġu mħeġġa biex jiżguraw li t-tfal tagħhom ikunu ngħataw it-tilqim kollu meħtieġ. 

L-uffiċjali tas-saħħa ta’ New York bdew itwettqu t-testijiet fid-drenaġġ wara li raġel li ma kienx imlaqqam laqqat il-virus fil-county ta’ Rockland fit-Tramuntana ta’ New York. Hu kien ġie infettat f’Lulju li għadda u sfortunatament spiċċa pparalizzat. Dan kien l-ewwel każ ta’ Polio mill-2013 ’il hawn.

Sport