Kien għall-ħabta tal-10:45 a.m., meta lbieraħ il-Pulizija ġiet infurmata li ntlemaħ katavru fil-baħar fl-inħawi ta’ taħt il-Park ta’ Xrobb l-Għaġin f’Delimara, limiti ta’ Marsaxlokk.
Fuq din l-informazzjoni, il-Pulizija minnufih talbet l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta li minn naħa tagħhom marru fuq il-post u tellgħu l-katavru permezz ta’ ħelikopter.
Fi stqarrija kkomunikata mill-Pulizija ntqal li l-vittma hija mara ta’ 39 sena residenti Ħal Tarxien. Hija kienet liebsa ħwejjeġ tal-isports fiżiku.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li mistennija ssir awtopsja fuq il-katavru sabiex tiġi stabbilità l-kawża tal-mewt.
L-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.