Friday, February 13, 2026

Identifikat żagħżugħ bħala suspettat fl-isparatura fil-Kanada

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 18-il sena ġie msemmi bħala s-suspettat fi sparatura li qatlet tmien persuni u darbet għexieren oħra fil-British Columbia, il-Kanada. Il-pulizija qalet li s-suspettat, Jesse Van Rootselaar ta’ 18-il sena, instab mejjet fuq il-post b’ferita ta’ arma tan-nar li kkaġuna lilu nnifsu.

Sitt persuni nqatlu u mill-inqas 25 oħra ndarbu fl-isparatura fl-Iskola Sekondarja ta’ Tumbler Ridge. Tnejn oħra – omm is-suspettat Van Rootseaar, ta’ 39 sena u ħuh mill-missier, ta’ 11-il sena – instabu mejta f’dar fil-qrib. Jingħad li ż-żagħżugħ Van Rootselaar twieled raġel bijoloġiku iżda ġie identifikat bħala mara.

Il-vittmi fl-iskola kienu edukatriċi ta’ 39 sena, tliet studenti bniet, ilkoll ta’ 12-il sena u żewġ studenti subien, wieħed ta’ 12-il sena u l-ieħor ta’ 13-il sena. Filwaqt li l-motiv għall-attakk fatali għadu mhux magħruf, l-awtoritajiet ma jemmnux li hemm suspettati oħra involuti fl-isparaturi.

Van Rootselaar kien magħruf sew mill-pulizija, tant li uffiċjali kienu anki marru fid-dar tal-familja tas-suspettat f’diversi okkażjonijiet matul l-aħħar snin, wara telefonati li sarulhim relatati ma’ tħassib dwar is-saħħa mentali tas-suspettat. Van Rootselaar kien telaq mill-Iskola Sekondarja ta’ Tumbler Ridge erba’ snin ilu.

L-awtoritajiet sabu żewġ armi tan-nar – arma twila u pistola modifikata – fuq il-post iżda għadu mhux ċar eżattament x’użu seta’ kellhom dawn l-armi tan-nar fl-isparatura.

Tumbler Ridge fil-British Columbia hija belt ċkejkna ta’ madwar 2,400 resident u l-iskola sekondarja tagħha Tumbler Ridge għandha reġistrati 160 student fil-Gradi minn 7 sa 12.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport