Ġie ssiġillat il-bidu ta’ kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija permezz tal-iffirmar ta’ ftehim ta’ ħidma konġunta bejn l-entità governattiva u l-istituzzjoni fi ħdan il-Knisja.
Il-ftehim ġie ffirmat minn Dr Maris Camilleri, l-Aġent Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti u minn Dr Ian Attard, id-Direttur Ġenerali tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, fil-preżenza tal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Clifton Grima.
Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Permezz ta’ dan il-ftehim, se jitniedu aktar inizjattivi favur il-lingwa Maltija, kif ukoll proġetti li jgħaqqdu flimkien l-arti performattiva, il-kultura u l-lingwa tagħna. Dawn il-proġetti diġà bdew igawdu minnhom studenti fl-iskejjel tal-Istat, iżda issa se jingħaqdu magħhom ukoll studenti minn skejjel tal-Knisja, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.”
Filwaqt li faħħar din l-inizjattiva, il-Ministru Clifton Grima kkummenta dwar l-importanza ta’ edukazzjoni sħiħa li tkun mifruxa fuq diversi livelli kif ukoll dwar il-ħidma biex jissaħħaħ l-użu tal-Ilsien Malti. “L-edukazzjoni m’għandhiex tkun limitata għall-kisbiet akkademiċi jew għall-materji skolastiċi biss, imma wkoll l-istudenti għandhom jingħataw opportunitajiet biex jiżviluppaw ħiliet u fuq kollox b’tagħlim li jappella għaż-żgħażagħ”, qal il-Ministru Grima, li enfasizza wkoll l-importanza li nkomplu nsaħħu ilsien pajjiżna b’kull mezz possibbli.
Fost l-inizjattivi hemm il-proġett ‘Mal-Melodija’, programm edukattiv li jgħaqqad elementi lingwistiċi, kulturali u storiċi ma’ stili mużikali diversi li jolqtu l-gosti taż-żgħażagħ tal-lum. Sa issa dan il-proġett kien immirat għal studenti tat-Tmien Sena (Form 2), iżda permezz tal-ftehim issa se jinkludi wkoll studenti tad-Disa’ Sena (Form 3). Fost l-oħrajn, l-istudenti se jkunu qed jitgħallmu poeżiji Maltin, li huma parti mis-sillabu tal-Malti, permezz ta’ mużika rap u kontemporanja.
Fi tmiem is-sena skolastika li jmiss, is-Segretarjat u ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti se jesploraw il-possibbiltà li tiġi organizzata serata fejn studenti minn skejjel differenti tal-Knisja juru l-kontenut letterarju u mużikali li pproduċew waqt il-proġett ‘Mal-Melodija’.
L-Aġent Kap Eżekuttiv, Dr Maris Camilleri sostniet li grazzi għal dan il-ftehim, il-missjoni taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti se tkun qiegħda tifrex għeruqha, u l-promozzjoni u t-tisħiħ tal-Malti se jkun qed jitqarreb lejn tfal u studenti Maltin u Għawdxin li jattendu fl-iskejjel tal-Knisja. Dawn, issa, mingħajr ebda distinzjoni, se jkunu qegħdin igawdu mill-istess proġetti b’risq il-Malti li diġà saru parti mill-kalendarju skolastiku tal-iskejjel tal-Istat, kif ukoll oħrajn, li għad iridu jitnedew.
Id-Direttur tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, Dr Ian Mifsud stqarr li dan il-ftehim hu pass ieħor biex l-esperjenza edukattiva fl-Iskejjel tal-Knisja tkun olistika. Saħaq li l-profiċjenza fl-ilsien nattiv tagħna għandha tkun konsolidata bħala waħda mill-oqsma essenzjali tas-sistema edukattiva Maltija. Dr Mifsud irringrazzja lill-edukaturi kollha tal-impenn kostanti tagħhom fit-tisħiħ tal-ilsien Malti fl-iskejjel.