Tuesday, December 24, 2024

Iffirmat ftehim bejn il-Malta FA u Heritage Malta

Aqra wkoll

Ir-rwol tal-futbol lokali bħala parti mill-wirt kulturali ta’ Malta ġie enfasizzat permezz tal-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn Heritage Malta u l-Malta FA (MFA).

L-oqsma ewlenin ta’ kollaborazzjoni li l-MOU jipprovdi għalihom huma marbutin mal-operat u l-immaniġġar tal-Mużew tal-Futbol ta’ Malta kif ukoll mal-promozzjoni tas-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta b’mod ġenerali iżda b’aċċenn partikolari fuq ir-reġjun tar-Rabat.

Heritage Malta se tipprovdi assistenza u konsulenza lill-Malta FA dwar l-operat ġenerali tal-Mużew tal-Futbol ta’ Malta. Se tislef ukoll artefatti li għandhom relevanza għall-Malta FA biex ikunu għall-wiri fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Assoċjazzjoni.

Barra minn hekk, l-MOU jitkellem dwar l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet bi sħab bejn Heritage Malta u l-Malta FA, kif ukoll heritage trails li jinkludu l-Mużew tal-Futbol ta’ Malta fl-itinerarju tagħhom.

L-MOU ġie ffirmat minn Noel Zammit, Kap Eżekuttiv, f’isem Heritage Malta, u Dr Angelo Chetcuti, Segretarju Ġenerali tal-Malta FA.

Noel Zammit qal li l-futbol hu minsuġ fl-istorja soċjali u kulturali ta’ pajjiżna u għalhekk hu parti integrali mill-wirt nazzjonali tagħna. Huwa semma l-benefiċċji li ż-żewġ istituzzjonijiet nazzjonali se jgawdu minn dan il-ftehim u rrimarka li Heritage Malta se tkun tista’ tilħaq udjenzi ġodda li kien ikun diffiċli taċċessahom mingħajr il-koperazzjoni tal-MFA. Il-Malta Football Association, min-naħa l-oħra, se tibbenefika mill-esperjenza u l-għarfien ta’ Heritage Malta kif ukoll mill-aċċess għall-udjenzi tagħha.

Dr Chetcuti qal li l-Malta FA hija kburija li ssieħbet ma’ Heritage Malta u li għandha l-Mużew tal-football tagħha.  “Filwaqt li aħna nħarsu lejn il-futur sabiex nilħqu l-objettivi tagħna, daqsekk ieħor kburin bl-istorja twila tal-football f’din il-gżira.  L-Assoċjazzjoni hija waħda mill-eqdem fid-dinja u l-logħba f’Malta dejjem kienet segwita mill-qrib”, qal is-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA. 

Il-Mużew Malti tal-Futbol ġie inawgurat uffiċjalment mill-President tal-FIFA Gianni Infantino f’Ġunju 2021. Iż-żjarat jistgħu jiġu bbukkjati permezz ta’ www.mfa.com.mt/football-museum

Ekonomija

Sport