Friday, February 21, 2025

Iffirmat ftehim bejn l-OHSA u Jobsplus għal aktar kollaborazzjoni dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol

Aqra wkoll

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u Jobsplus iffirmaw ftehim intiż li jkompli jsaħħaħ l-isforzi konġunti biex jinħolqu ambjenti tax-xogħol aktar siguri u b’saħħithom f’Malta.

Dan il-ftehim jiffoka fuq l-iskambju ta’ informazzjoni, l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ speċjalizzat u l-integrazzjoni ta’ prattiċi ta’ saħħa u sigurtà mill-bidu tal-proċess tal-impjieg. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, iż-żewġ entitajiet se jkunu qed jindirizzaw sfidi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol b’mod aktar effettiv u proattiv.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal li dan huwa ftehim ieħor li daħlet għalih l-OHSA, li jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern li jkompli jgħolli l-istandards fis-settur tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

“Il-kollaborazzjoni, koperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-entitajiet huwa ċentrali fil-ħidma li qed isir, mhux biss f’konformità mal-impenn tal-Gvern, imma wkoll mar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta marbuta mal-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia. Is-saħħa u s-sigurtà għandha tkun prijorità meta niġu għal deċiżjonijiet dwar liġijiet, regolamenti kif ukoll policies, mhux biss fil-kostruzzjoni, imma fl-oqsma kollha,” tenna l-Ministru Attard.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri semma li l-aġenzija Jobsplus tgħin mhux biss klijenti fis-settur privat iżda anke dawk fis-settur pubbliku sabiex jinkisbu riżultati aħjar għal benefiċċju tas-soċjetà. “Il-ftehim bejn Jobsplus u l-OHSA jaħseb, fost l-oħrajn, li informazzjoni li għandha Jobsplus tgħaddi għand l-OHSA biex din taħdem u tagħti riżultati aħjar.”

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol Josianne Cutajar qalet li dan il-ftehim se jagħti lill-OHSA l-viżibbiltà tal-ħaddiema kollha f’pajjiżna. B’hekk se jservi għall-mod aktar effettiv ta’ kif titwassal l-informazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà lejn il-ħaddiema ġodda jew dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol fi kwalunkwe settur. Dan se jsir permezz ta’ interventi speċifiċi u mmirati, inkluż taħriġ̇ personalizzat u kampanji ta’ għarfien aktar effettivi.

“Aħna nemmnu li l-kuntatt dirett mal-ħaddiem huwa pedina importanti għall-OHSA għax b’hekk insaħħu l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà b’mod dirett, b’mod uman u b’mod li żgur jinftiehem. Dan sabiex inkomplu nsaħħu l-viżjoni tagħna li ‘Kull Ħaddiem Jgħodd’,” temmet tgħid Dr Cutajar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport