Saturday, December 21, 2024

Iffirmat ftehim bejn SEM u Business First għal servizzi mtejba għan-negozji fejn jidħlu l-fondi Ewropej 

Aqra wkoll

Fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana, il-Kapijiet Eżekuttivi ta’ SEM u ta’ Business First, Rodrick Zerafa u Marika Tonna, iffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni biex in-negozji, kemm dawk li jkunu se jibdew u dawk li qegħdin jikbru, ikollhom servizz imtejjeb fejn jidħol l-aċċess għall-fondi Ewropej. 

Il-ftehim jistabbilixxi modi ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet governattivi biex uffiċjali ta’ SEM jagħtu taħriġ lill-impjegati ta’ Business First dwar opportunitajiet ta’ fondi Ewropej għan-negozji. B’hekk jingħata servizz aħjar u n-negozji jkollhom iktar għarfien dwar sorsi ta’ appoġġ għan-negozju tagħhom.

Min-naħa l-oħra SEM tkun mgħarrfa aktar bil-ħtiġijiet tan-negozji u tkun tista’ tiggwidahom aħjar lejn sorsi ta’ finanzjament għal dak li jkunu jixtiequ jespandu fih.

Għall-ftehim kienu preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Nancy Caruana, u s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, responsabbli mill-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali, ir-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi, l-Ugwaljanza u r-Riformi, Jonathan Vassallo.  Kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, George Gregory u l-Kap tat-Taqsima Project Support ta’ SEM, Darren Grasso.

Servizzi Ewropej f’Malta hija aġenzija tal-Gvern li tippromwovi l-fondi Ewropej u tassisti individwi, organizzazzjonijiet u negozji biex jiżviluppaw proġetti li jistgħu jkunu kofinanzjati minn fondi Ewropej u japplikaw għalihom. 

Business First isservi bħala l-punt ta’ kuntatt ewlieni għall-komunità tan-negozju billi tiffaċilita l-aċċess għal diversi servizzi pubbliċi u tgħin biex in-negozji jibdew u jikbru.

Ekonomija

Sport