Sunday, December 29, 2024

Iffirmat ftehim biex il-parkeġġ tal-iskola ta’ Wied il-Għajn jintuża mill-komunità

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim biex il-komunità ta’ Wied il-Għajn tkun tista’ tagħmel użu mill-parkeġġ tal-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn, Kulleġġ St Thomas More, f’ħinijiet lil hinn minn dawk li tkun miftuħa l-iskola għall-edukazzjoni.

Permezz tal-ftehim, għalhekk, il-parkeġġ se jkun ta’ użu għall-komunità anke fi tmiem il-ġimgħa, filwaqt li mhux se jaffettwa l-użu tal-parkeġġ mill-edukaturi u mill-amministrazzjoni tal-iskola u lanqas l-użu tal-parkeġġ meta jkun hemm attivitajiet tal-massa organizzati mill-iskola.

“Dan huwa ftehim ieħor parti mill-ħidma tagħna li nqarrbu l-edukazzjoni mal-komunità, biex fejn huwa possibbli qed niftħu l-faċilitajiet tal-iskejjel tagħna għall-użu tal-komunitajiet rispettivi. Nemmnu li l-ispazji tal-iskejjel għandhom ikunu disponibbli għall-komunità fil-ħin li dawn ma jkunux qed jintużaw għall-edukazzjoni ta’ uliedna”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Fost faċilitajiet li hemm disponibbli għall-użu tal-komunità hemm faċilitajiet sportivi, swali kif ukoll spazji oħra. Anke l-parkeġġi tal-vetturi, bħalma qed isir permezz ta’ diversi ftehimiet li qed jiġu ffirmati, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jara li dawn ma jkunux spazji vojta fil-ħin li ma jkunux qed jintużaw.
Il-ftehim ikopri ħames snin u jiġġedded kull sena. Matul iż-żmien tal-ftehim, il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn se jagħmel donazzjoni li se tmur għal xiri ta’ riżorsi mill-iskola.

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fit- taħditiet li wasslu għal dan il-ftehim. “Dan il-ftehim se jwassal biex tittaffa l-problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġ għall-komunità tagħna, għalhekk il-kunsill huwa grat li ntlaqgħet it-talba tiegħu u li permezz tal-ftehim din il- komunità se tkun moqdija aħjar”, qal Mario Calleja.

Ekonomija

Sport