Wednesday, January 8, 2025

Iffirmat ftehim biex isaħħaħ l-istudji fl-akwakultura u s-sajd

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn l-aġenzija Aquatic Resources Malta (ARM) u l-Università ta’ Malta biex isaħħu r-riċerka u l-kollaborazzjoni xjentifika fis-settur tal-akwakultura u s-sajd.

L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Dan il-ftehim huwa mmirat biex jiżviluppa programmi ta’ riċerka konġunta u jistimula l-iskambju ta’ għarfien bejn il-partijiet. L-isfidi f’dan is-settur, li jinkludu sostenibbiltà ekoloġika u titjib fl-operat tas-sajd, se jiġu analizzati b’mod aktar profond permezz ta’ din il-kollaborazzjoni.

Il-Ministru Grima qal li dan huwa ftehim ieħor li jagħti spinta mhux biss ir-riċerka, imma wkoll aktar opportunitajiet lill-istudenti. “Il-Gvern jagħraf l-importanza tar-riċerka anki f’dan is-settur u għalhekk il-potenzjal li dawn għandhom biex ikompli jinħoloq aktar ġid, għarfien, titjib, kif ukoll impjiegi ta’ kwalità. Il-Pjan Strateġiku Nazzjonali dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu 2023-2027 għandu l-għan li titrawwem aktar kurżità xjentifika u jsiru aktar kollaborazzjonijiet fosthom bejn l-akkademja, l-industrija u setturi oħrajn,” qal il-Ministru Grima.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said spjegat kif dan il-ftehim huwa rappreżentazzjoni ta’ tragward ieħor fl-avvanz li pajjiżna qed jagħmel fir-riċerka dwar is-sajd u l-akwakultura. “Illum qed naraw li ngħaqqdu l-għarfien tal-Università ta’ Malta u r-riżorsi u l-kapaċitajiet tal-ARM biex inżidu l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà, kif ukoll l-opportunitajiet ekonomiċi tas-settur. Permezz ta’ programmi ta’ riċerka u l-aċċess għal faċilitajiet u laboratorji, se nżidu l-opportunitajiet għall-istudenti biex ikabbru l-għarfien tagħhom fil-karrieri marittimi. Sodisfatti li ntlaħaq dan il-ftehim għax b’hekk qed inkomplu nsaħħu r-reputazzjoni tajba li għandu pajjiżna fir-riċerka marittima,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Il-ftehim jinkludi diversi aspetti, fosthom:

  • L-aċċess għall-laboratorji tal-Università u tal-ARM għar-riċerka konġunta.
  • L-iżvilupp ta’ programmi ta’ tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol għall-istudenti.
  • Studji dwar il-bijodiversità u t-titjib tal-prattiċi tas-sajd sostenibbli.

Dan il-ftehim jifforma parti minn inizjattiva usa’ biex ir-riċerka tkun pilastru għall-iżvilupp sostenibbli.

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella, enfasizza kif dan l-element prattiku jħejji lill-istudenti għas-suċċess fil-karrieri rispettivi tagħhom. “Permezz ta’ din l-isħubija strateġika, qed niffaċilitaw it-tqassim tar-riżorsi u b’hekk intejbu r-riċerka fl-istituzzjonijiet relatati mas-sajd u l-akwakultura, kif ukoll oqsma ta’ importanza sinifikanti li jikkontribwixxu għall-benesseri ekonomiku u s-sigurtà tal-ikel. Permezz ta’ placements, l-istudenti tagħna se jkollhom l-opportunità li jistabbilixxu kuntatti ma’ nies fl-industrija li magħhom jistgħu potenzjalment jaqsmu l-post tax-xogħol ladarba jiggradwaw.”

Min-naħa tiegħu, Frank Fabri, Kap Eżekuttiv ta’ ARM qal “Din il-kollaborazzjoni tirrappreżenta pass sinifikanti biex iġġib eqreb ħidmet l-aġenzija Aquatic Resources Malta u l-Università ta’ Malta, billi noffru lill-istudenti tal-Università opportunitajiet ta’ tagħlim ibbażat fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ rwoli part-time u esperjenzi tas-sajf ma’ ARM. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ twaqqif ta’ grupp interdixxiplinarju li jiffoka fuq ir-riċerka fis-sajd u l-akwakultura, flimkien mal-aċċess għal-laboratorji u l-uffiċjali li jservu bħala riċerkaturi affiljati, jenfasizzaw l-impenn tagħna biex inrawmu l-innovazzjoni u ntejbu r-riċerka f’dan is-settur importanti.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport