Thursday, May 22, 2025

Iffirmat ftehim biex jiġu msaħħa komunitajiet aktar adattati għall-anzjani

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret waqt il-Public Service Expo 2025, ġie ffirmat ftehim bejn id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, bl-għan li tissaħħaħ il-kura u l-appoġġ għall-anzjani f’livell lokali.

Din il-kollaborazzjoni se tiffoka fuq tliet direzzjonijiet ewlenin: l-għarfien dwar id-dimensja, l-inizjattivi interġenerazzjonali, u l-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja attiva fl-anzjanità. Il-ftehim huwa wkoll pass importanti lejn il-viżjoni nazzjonali tal-Malta Vision 2050, li bħalissa tinsab fil-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika u li tħares lejn futur aktar inklużiv u sostenibbli għal kulħadd.

Permezz ta’ dan il-ftehim, l-impjegati tal-kunsilli lokali se jingħataw taħriġ speċjalizzat sabiex ikunu aktar imħarrġa biex jidentifikaw u jwieġbu aħjar għall-bżonnijiet ta’ membri tal-komunità affettwati mid-dimensja. Barra minn hekk, se jiġi pprovdut materjal edukattiv dwar is-saħħa mentali u emozzjonali, sabiex titnaqqas l-istigma u jitnaqqas ir-riskju ta’ iżolament.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, qal, “Din il-kollaborazzjoni turi b’mod ċar kif, billi naħdmu flimkien f’livell nazzjonali u lokali, nistgħu nibnu komunitajiet li jpoġġu l-bniedem fiċ-ċentru; mhux biss b’kura fiżika, iżda wkoll b’appoġġ emozzjonali u soċjali, li hu essenzjali għal kwalità ta’ ħajja aħjar fl-anzjanità.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, laqgħet l-iffirmar ta’ dan il-ftehim bejn id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità. Hija saħqet li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, se jkunu qegħdin iżidu aktar għarfien dwar id-dimensja, inizjattivi interġenerazzjonali u anzjanità sana, filwaqt li l-Kunsilli Lokali jkomplu joffru aktar servizzi ta’ kwalità lill-komunitajiet.

L-inizjattiva tinkludi wkoll attivitajiet interġenerazzjonali bħal “School Grannies”, li jgħaqqdu lill-anzjani ma’ tfal tal-iskola f’attivitajiet edukattivi u soċjali, filwaqt li jippromwovu konnessjonijiet b’saħħithom bejn il-ġenerazzjonijiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport