L-għanijiet tal-Malta Labour Migration Policy u kif din se topera ġew diskussi waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni oħra din id-darba mal-Kunsill għall-Ħiliet Nazzjonali, f’waħda mill-bosta li saru fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li tintemm nhar il-Ħadd li ġej. Għal laqgħa attendew il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u t-tmexxija tal-Kunsill.
Il-laqgħa saret fl-isfond ta’ memorandum ta’ qbil li ġie ffirmat bejn Jobsplus u l-Kunsill għall-Ħiliet Nazzjonali li jaħseb biex isaħħaħ kemm is-suq tax-xogħol u anke l-iżvilupp tal-ħiliet. Il-ftehim għandu l-għan ukoll li jwassal għal allinjament dwar intelliġenza tal-ħiliet, żvilupp tal-politika, investiment fil-kapital uman u trawwim tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u benesseri soċjali.
Il-Ministru Byron Camilleri enfasizza li pajjiżna jrid jassigura li ma jkunx hemm abbużi fis-suq tax-xogħol li fl-aħħar mill-aħħar jheddu li tiġi mminata l-kwalità tal-ħajja fil-pajjiż. Huwa qal li fl-aħħar għaxar snin pajjiżna ra espansjoni ekonomika qawwija, għamel suċċessi kbar, li minnhom gawda kulħadd anke għaliex aktar Maltin daħlu fis-suq tax-xogħol b’mod partikolari nisa. Sostna li issa l-Gvern impenjat biex jassigura li l-ekonomija taħdem għan-nies u mhux in-nies jaħdmu għall-ekonomija.
“Dan il-ftehim jirrappreżenta pass ieħor importanti biex jonqos id-distakk bejn il-ħiliet u s-snajja’ meħtieġa fis-suq tax-xogħol Malti u l-opportunitajiet disponibbli għal dawk li qed ifittxu xogħol u min iħaddem. Permezz tat-tisħiħ fil-kollaborazzjoni mal-Kunsill għall-Ħiliet Nazzjonali, qed nimmiraw sabiex inżommu l-ħaddiema tagħna adattabbli, kompetittivi u lesti biex jaffrontaw bidliet fis-suq globali,” tenna l-Ministru Camilleri.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Clifton Grima qal li dan il-ftehim huwa pass importanti fit-tisħiħ tas-suq tax-xogħol u l-investiment fil-ħiliet umani. “Din is-sħubija se tkun kruċjali biex tkompli ttejjeb l-intelliġenza dwar il-ħiliet u s-suq tax-xogħol, tippromwovi l-iżvilupp tal-kapital uman u tħejji lill-ħaddiema għal opportunitajiet ġodda. Permezz ta’ dan, se nkunu nistgħu nindirizzaw in-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol b’approċċ aktar strutturat u informat.”
Il-ftehim jaħseb ukoll biex iż-żewġ entitajiet jikkollaboraw flimkien biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet u jħejju għall-opportunitajiet ta’ karrieri ġodda u jagħtu validità lit-tagħlim informali u sabiex isaħħu s-suq tax-xogħol u l-intelliġenza tal-ħiliet.
Għal-laqgħa attendew ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern Joyce Dimech u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill għall-Ħiliet Nazzjonali, Jeffrey Pullicino.